Il-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba nieda l-kampanja “Adotta Siġra” bil-għan li jiżdied l-għarfien dwar il-bżonn ta’ aktar siġar u pjanti madwar il-pajjiż u dan sabiex ikollna ambjent aktar b’saħħtu.
Kampanja li qed issir b’kollaborazzjoni ma’ Callus Garden Centre u li se tara l-parteċipazzjoni tal-pubbliku li jistgħu jadotta xitla ta’ siġra indiġena Maltija.
B’kollox hemm mat-3,000 xitla li se jitqassmu fost dawk li se jieħdu sehem f’din il-kampanja. Sentejn wara dawn l-istess xtieli se jkunu qed jinġabru u jitħawlu fil-Miżieb u l-Aħrax.
F’konferenza stampa, il-MPE Alex Agius Saliba spjega li dawn iż-żewġ postijiet ġew magħżula wara li fix-xhur li għaddew, b’mod partikolari fis-Sajf, kien hemm nirien u fl-aħħar snin kien hemm anke vandaliżmu fejn inqerdu numru ta’ siġar.
“Il-ħsieb ta’ din il-kampanja hu li min se jkun qed jipparteċipa, se jżomm dawn ix-xtieli mingħajr l-ebda ħlas fid-djar tiegħu għal sentejn. Imbagħad wara niġbruhom u nħawluhom f’dawn il-postijiet,” qal Agius Saliba.
Il-kampanja se tibda mil-lum fuq il-mezzi soċjali. Dawk interessati jistgħu jidħlu fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ Alex Agius Saliba fejn hemm isibu link u formola apposta li faċilment wieħed jimla’ biex jingħata waħda minn dawn ix-xtieli b’xejn.
Se jkun hemm ħames lokalitajiet minn fejn jistgħu jinġabru dawn ix-xtieli, li huma Ħaż-Żebbuġ, Raħal Ġdid, iż-Żurrieq, il-Mellieħa u r-Rabat Għawdex.
Alex Agius Saliba spjega li l-ħsieb huwa li din il-kampanja ma tkunx ta’ darba imma tibda ssir kull sena f’dawn iż-żminijiet ta’ festi. “Dan sabiex kull sena nkunu nistgħu nagħtu rigal lill-ambjent tagħna. Ir-rigal ikun dak li nagħtu 3,000 siġra lura kull sena lill-ispazji pubbliċi tagħna sabiex insaħħu l-valur tas-sostenibbiltà ambjentali,” qal Agius Saliba.
Preżenti għal din il-konferenza stampa kien hemm ukoll Lino Farrugia mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) u Jonathan Callus minn Callus Garden Centre.