Il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni ħabbar sejħa pubblika għal żewġ Maġistrati ġodda.
“L-investiment fil-ġudikatura huwa wieħed kontinwu. Dawn il-Maġistrati addizzjonali se jkunu qegħdin jidħlu fi rwol bil-għan li l-Prim Imħallef ikun jista’ jassenja aħjar ix-xogħol biex nassiguraw li nżidu l-kwalità u l-effiċjenza fis-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna,” saħaq il-Ministru Attard.
B’hekk fi tmiem dan il-proċess l-ikbar korp tal-ġudikatura fl-istorja se jkun qiegħed ikompli jissaħħaħ b’żewġ Maġistrati addizzjonali, konferma tal-impenn lejn aktar ġustizzja effiċjenti.
Il-Ministru Attard saħaq li din iż-żieda fil-ġudikatura tikkumplimenta r-riformi kontinwi li qegħdin isiru u prova ċara ta’ kemm il-Gvern huwa kommess li jinvesti fil-qasam tal-ġustizzja biex ikompli joffri l-għodod neċessarji bil-għan li tiżdied l-effettività u l-effiċjenza.
Dawk interessati għandhom jibagħtu l-applikazzjoni tagħhom bid-dokumenti kollha sa mhux aktar tard mill-Ġimgħa 21 ta’ Frar, 2025, sa 12:00 pm lis-Segretarju tal-Kumitat dwar il-Ħatriet tal-Ġudikatura.