Sunday, December 22, 2024

Titnieda t-3 edizzjoni tal-Gozo Arts Weekend

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li se tittella’ t-tielet edizzjoni tal-Gozo Arts Weekend, fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ta’ Jannar, bejn is-26 u t-28 ta’ Jannar 2024. Dan l-avveniment se jagħti bidu għall-kalendarju kulturali li hemm ippreparat f’Għawdex għal matul din is-sena.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li l-kultura, bħall-ilsien u bħat-tradizzjonijiet, hija element importanti ta’ dak li jiddistingwi nazzjon minn ieħor u l-artisti bit-talenti, bl-ideat, bil-ħsibijiet u bis-suġġetti li jittrattaw iwasslu l-messaġġ tagħhom u jsawru l-kultura għanja ta’ pajjiżna.

“Għaldaqstant jeħtieġ li mhux biss jiġu rikonoxxuti l-artisti, imma aktar minn hekk jiġu apprezzati. Dan hu l-qofol tal-Gozo Arts Weekend fejn ta’ kull sena artist prominenti, li ħalla marka f’Għawdex, jiġi imfakkar għall-kisbiet li wettaq u aktar minn hekk, permezz ta’ diversi attivitajiet, inressqu l-arti viċin il-pubbliku. Konvint li ser issibu l-programm li ppreparajna wieħed interessanti sabiex din is-sena tkunu tistgħu tapprezzaw ukoll l-arti ta’ Paolo Camilleri Cauchi,” kompla l-Ministru Camilleri.

Din is-sena, il-Gozo Arts Weekend se jiffoka fuq l-artist Għawdxi, Paolo Camilleri Cauchi, li hu sinonimu mal-arti għaliex bix-xogħlijiet tiegħu, li jinsabu kemm fi knejjes lokali kif ukoll barra minn xtutna, għamel ġieħ lil Għawdex u għamel isem għalih. Dan apparti l-mijiet ta’ pitturi tiegħu li wieħed jista’ jsib f’kollezzjonijiet privati mifruxin madwar id-dinja kollha.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid li dan hu biss il-bidu ta’ bosta attivitajiet oħra li d-Dipartiment tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru ser ikun qiegħed itella’ matul is-sena 2024.

Ekonomija

Sport