Sunday, December 22, 2024

Tliet referees nisa se jikkontrollaw logħbiet fit-Tazza tad-Dinja 2022

Aqra wkoll

Tliet referees nisa se jikkontrollaw logħbiet fit-Tazza tad-Dinja tal-irġiel ta’ din is-sena għall-ewwel darba fl-istorja tal-kampjonat.

Il-Franċiża Stephanie Frappart, il-Ġappuniż Yoshimi Yamashita kif ukoll Salima Mukansanga mill-Rwanda ntgħażlu biex jieħdu ħsieb il-logħob fil-Qatar. Huma se jkunu appoġġati minn tliet assistenti referees nisa.

Ir-referees tal-Premier League, Michael Oli­ver u Anthony Taylor, ġew  magħżula wkoll għat-tournament, li jibda nhar it-Tnejn, 21 ta’ Novembru.

Taylor irrefera l-partita tal-Euro 2020 bejn id-Danimarka u l-Finlandja, u fejn kien imfaħħar talli rreaġixxa malajr biex jiżgura li Christian Eriksen irċieva attenzjoni medika urġenti wara li waqa’ fil-ground b’attakk tal-qalb.

B’kollox, 36 referee, 69 assistenti referees u 24 video-uffiċjal tal-partita ġew magħżula għat-tournament ta’ din is-sena.

Stephanie Frappart

“Bħal dejjem, il-kriterji li wżajna huma ‘l-ewwel il-kwalità’ u l-uffiċjali tal-logħba magħżula jirrappreżentaw l-ogħla livell ta’ refereeing madwar id-dinja,” qal iċ-chairman tal-Kumitat tar-Referees tal-FIFA, Pierluigi Collina.

“Dan jikkonkludi proċess twil li beda diversi snin ilu bl-iskjerament ta’ referees nisa fit-tournaments tal-FIFA tal-irġiel u tal-kbar.

“B’dan il-mod, nenfasizzaw b’mod ċar li hija l-kwalità li tgħodd għalina u mhux is-sess.

“Nixtieq nittama li fil-futur, l-għażla tal-uffiċjali tal-logħbiet tan-nisa elite għal kompetizzjonijiet importanti tal-irġiel tkun pperċepita bħala xi ħaġa normali u mhux aktar bħala sensazzjonali.”

Is-36 referees li se jikkontrollaw logħbiet fit-Tazza tad-Dinja huma:

Abdulrahman Al Jasson (Qatar); Ivan Barton (El Salvador); Chris Beath (Awstralja); Raphael Claus (Brażil); Matthew Conger (New Zealand); Ismail Elfath (Stati Uniti); Mario Escobar (Gwatemala); Alireza Faghani (Iran); Stephanie Frappart (Franza); Bakary Gassama (Gambja); Mustapha Ghorbal (Alġerija); Victor Gomes (Afrika t’Isfel); Istvan Kovacs (Rumanija); Danny Makkelie (Olanda); Szymon Marciniak (Polonja); Said Martinez (Honduras); Antonio Mateu (Spanja); Andres Matonte (Urugwaj); Mohammed Abdulla Mohamed, (Emirati Għarab Magħquda); Salima Mukansanga (Rwanda); Maguette Ndiaye (Senegal); Ma Ning (Ċina); Michael Oliver (Ingilterra); Daniele Orsato (Italja); Kevin Ortega (Peru); Cesar Ramos (Messiku); Fernando Rapallini (Arġentina); Wilton Sampaio (Brazil); Daniel Siebert (Ġermanja); Janny Sikazwe (Żambja); Anthony Taylor (Ingilterra); Facundo Tello (Arġentina); Clement Turpin (Franza); Jesus Valenzuela (Venezwela); Slavko Vincic (Slovenja); Yoshimi Yamashita (Ġappun).

Ekonomija

Sport