Saturday, November 30, 2024

Tliet żgħażagħ jammettu li serqu diversi muturi u quadbike

Aqra wkoll

Tliet żgħażagħ, li għandhom bejn l-14 u t-18-il sena, tressqu l-Qorti b’rabta ma’ serq ta’ ħames muturi u quadbike. Dan is-serq seħħ bejn l-24 t’Awwissu u l-5 t’Ottubru minn diversi lokalitajiet.

It-tlieta li huma flimkien kienu mixlija b’serq ta’ żewġ muturi minn Raħal Ġdid filwaqt li tnejn minnhom, ta’ 18 u 14-il sena rispettivament, kienu mixlija b’serq ta’ żewġ muturi oħra minn Birżebbuġa.

L-imputat ta’ 18-il sena waħdu kien mixli li seraq mutur ieħor mill-Imsida u quadbike minn Ħaż-Żabbar. Akkużi oħra kontrih jgħidu li laqa’ għandu passaport Kolumbjan misruq u li kiser ordni ta’ probation mogħtija lilu fuq każ separat.

L-imputat ieħor, ta’ 16-il sena, kien mixli waħdu li fit-22 ta’ Settembru laqa’ għandu e-scooter misruq u li naqas milli jgħarraf lil Pulizija dwaru.

It-tliet imputat tressqu quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima fejn wieġbu ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom. Filwaqt li l-Qorti qalet li s-sentenza fil-konfront taż-żagħżugħ ta’ 18-il sena se tingħata l-Ħamis li ġej, ordnat biex fil-każ taż-żewġ żagħżagħ minorenni l-oħra, l-atti jintbagħtu lir-Reġistratur tal-Qrati sabiex jiġu assenjati lill-Qorti tal-Minorenni.

Sadanittant, il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest taż-żewġ minorenni taħt diversi kundizzjonijiet fosthom li jitpoġġew taħt ordni ta’ superviżjoni temporanja sakemm jingħataw sentenza mill-Qorti tal-Minorenni. Huma jridu jiffimaw l-għassa kuljum u jkunu d-dar fil-ħin ta’ bejn is-7.00 p.m. u s-6.00 a.m.

Huma ngħataw il-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000 kull wieħed.

Sport