Tmien snin ħabs fuq “ossessjoni li rrendiet mara skjava għal eżiġenzi sesswali”

0
1166

David Xuereb ta’ 48 sena ntbagħat tmien snin ħabs wara li nstab ħati li stupra mara diversi drabi wara li din riedet ittemm ir-relazzjoni miegħu. 

Il-każ kellu l-bidu tiegħu f’Settembru tal-2017 meta oħt il-vittma kienet irċeviet ritratti ta’ oħtha f’attività sesswali ma’ Xuereb. 

Jirriżulta li l-vittma kienet iltaqgħet miegħu f’Awwissu tal-2016 u fil-bidu, ir-relazzjonijiet intimi ta’ bejniethom kienu bil-kunsens tagħha.

Wara li riedet taqta’ kull kuntatt minn miegħu, huwa beda jheddidha li jekk ma jkollhiex x’taqsam miegħu, kien se jikxifha mas-sieħeb tagħha dwar ir-relazzjoni ta’ bejniethom.

Fil-Qorti ħareġ li l-attivitajiet sesswali kienu jseħħu fl-uffiċċju ta’ Xuereb fil-Belt Valletta matul il-ġurnata u skont ix-xhieda tal-vittma kien hemm okkażjoni oħra fejn dan seħħ fid-dar tiegħu. Hija qalet ukoll li ntebħet li l-attività sesswali ma’ Xuereb kienu jiġu ffilmjati meta rat ir-ritratti li ntbagħtu lil oħtha. 

Tgħid li meta kienet tmur fl-uffiċċju tiegħu kienet issib mejda imdawra mhux bħas-soltu b’liżar fuqha. “Ħassejtni qisni annimal, dieħel għall-qatla,” qalet il-mara fil-Qorti. “Jiena nibki u hu anqas biss kien jimpurtah minn xiex għaddejja. Kien jibqa’ għaddej għalkollox.” 

Hija qalet li għalkemm kienet tgħidlu biex jieqaf huwa xorta waħda kien baqa’ jisforza lilu nnifsu fuqha. 

Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, semgħet ukoll ix-xhieda ta’ Xuereb u qalet li kien “indubbjament inveritier” meta dan qal li l-vittma kienet konxja bil-camera u li l-filmati saru bil-kunsens tagħha. 

“Mara li lanqas biss tkun trid tneħħi ħwejjiġha u turi riluttanza sħiħa meta Xuereb jibda jneżżagħha, żgur li ma kinitx se toffri spettaklu b’xejn u konsapevolment tħalli rikordju dejjiemi tal-miżerja li ġabha fiha u tal-mod kif kien jabbuża minnha biex jistrieħ sesswalment,” qalet il-Qorti li żiedet tgħid li mill-filmati jidher biċ-ċar li l-mara ltaqgħet ma’ Xuereb għaliex kienet sfurzata.

“Jirriżulta kif tort tal-insistenza tiegħu, kawża tal-ossessjoni u l-pussess li kellu fuqha, hi sfat tbati minn stress, abbandunat lil binha, fuq ix-xogħol kienet aljenata, allontanat ruħha minn ħbiebha u l-ħajja kwotidjana tagħha kemm dik fuq ix-xogħol u ma’ familtha tħarbtet, saħansitra tkissret,” kompliet tgħid il-Qorti. 

Il-Maġistrat Frendo Dimech qalet li l-filmati servew ta’ prova diretta ta’ wħud mill-okkażjonijiet ta’ stupru li kif xehdet il-vittma, kellha tiġi soġġetta għalih.

Dwar il-piena, il-Maġistrat innotat kif Xuereb għandu fedina penali mżewqa għall-aħħar fejn kien ingħata diversi opportunitajiet fil-passat però ma servew għal xejn. 

“Fil-fehma tal-Qorti, l-għemil bħal dak manifestat minn Xuereb, il-kondotta kriminuża tiegħu, juri biċ-ċar li sakemm jasal dak li l-imputat tassew jirrijabilita ruħu, postu ċertament mhux fis-soċjetà.”

“Huwa mistenni li soċjetà tiġi protetta minn għemil daqshekk perikoluż, fejn ossessjoni ta’ bniedem irrendiet mara skjava għall-eżigenzi sesswali tiegħu. Mara li kif xehdet għadha ssofri minn sfreġju psikoloġiku u emozzjonali kawża tal-għemil tiegħu.”

Il-Qorti tenniet li fid-dawl taċ-ċirkostanzi u tal-provi mressqa quddiemha, il-piena kellha tkun waħda ta’ ħabs fejn tul dan iż-żmien ta’ inkarċerazzjoni, hu mistenni li jieħu kull trattament u kura disponibbli biex jagħraf jindirizza l-impulsività tiegħu, l-aktar ma persuni li jkun intimi magħhom.

“Hekk biss nisa oħra li fuqhom tista’ taqa’ ħarstu fil-futur jiġu verament protetti minn predatur sesswali ta’ din il-kwalità,” sostniet il-Maġistrat Frendo Dimech filwaqt li kkundannatu tmien snin priġunerija. Hija poġġiet ukoll lill-ħati taħt ordni ta’ trattament għall-perjodu ta’ tliet snin.