Tuesday, April 30, 2024

Tnejn mixlija b’tliet serqiet mill-istess pompa tal-petrol

Aqra wkoll

Żewġt irġiel inżammu arrestati wara li ġew mixlija bi tliet serqiet mill-istess pompa tal-petrol li seħħew f’temp ta’ ħamest ijiem.

Alexander Gialanze Whiteford ta’ 40 sena mill-Birgu u Karl Ciantar ta’ 33 sena minn Ħal Tarxien tressqu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech mixlija b’serq aggravat u li wettqu ħsara fil-proprjetà ta’ ħaddieħor.

Gialanze Whiteford kien mixli wkoll li saq karozza mingħajr liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, li wettaq reat matul il-perjodu operattiv ta’ sentenza sospiża u li sar reċediv.

Ciantar ffaċċja wkoll aktar akkużi, relatati ma’ ksur tal-kundizzjonijiet ta’ libertà kkundizzjonata li ngħata f’Novembru 2021, li kiser sett preċedenti ta’ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u riċediv.

L-irġiel, li t-tnejn li huma qalu lill-Qorti li ma jaħdmux, wieġbu mhux ħatja iżda nżammu taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Sarah Zerafa u Elisia Scicluna.

L-Avukat George Anton Buttigieg deher għal Gialanze Whiteford u l-Avukat Francesca Zarb dehret għal Ciantar.

Sport