Sunday, November 24, 2024

Tour ta’ Malta:  Bernard Galea, Jessica Pratt u Joaquin Rojas jibqgħu l-leaders tat-TourTour ta’ Malta:

Aqra wkoll

Tliet tiġrijiet bi tmiem ferm eċċitanti fejn kollha spiċċaw bi sprint finali mill-isbaħ ikkaretterezzaw din it-tieni ġurnata tat-28 Edizzjoni tat-Tour ta’ Malta taċ-Ċikliżmu li saret fuq iċ-ċirkwit ta’ 3.5km tal-Bypass ta’ Ħaż-Żebbuġ fejn l-Elite għamlu 15 il-dawra, filwaqt li n-Nisa u l-Masters għamlu 12 il-dawra.

Fil-kategorija prinċipali tal-Elite kienet waħda ferm veloċi fejn l-Isvizzeru Nicola Schleuniger ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team spiċċa rebbieħ fi sprint finali bejn ħames ċiklisti f’ħin ta’ 1:33.29, frazzjoni żgħira ta’ sekonda warajh daħal Bernard Galea ta’ The Cyclist/Agones, filwaqt  li Heorhii Antonenko wkoll ta’ OBOR-BIKE AID Cycling Team reġa spiċċa t-tielet, sekonda biss wara l-ewwel tnejn. Madankollu Bernard Galea baqa’ l-lider tat-Tour b’total ta’ 3:00:00, seba’ sekondi vantaġġ fuq Simone Cerio ta’ ASD Team Simo Bike.

Fil-kategorija tan-Nisa l-Maltija/Awstraljana Jessica Pratt tat-Team Greens reġgħet ħarġet rebbieħa f’ħin ta’ 1:24:01 fi sprint finali ma’ Mathilde Pauls ta’ FTP RACING (UK) li spiċċat sekonda warajha, filwaqt li l-Maltija Diana Muscat tat-Team Greens spiċċat it-tielet f’1:28:47. Fil-klassifika ġenerali Pratt żammet il-flokk l-aħmar tal-ewwel post b’ħin totali ta’ 1:51:37, vantaġġ ta’ seba’ sekondi fuq Mathilde Pauls.

Fil-kategorija tal-Masters, ħareġ rebbieħ Daniele Dale ta’ BPC Race Team (UK) f’ħin ta’ 1:20:06 sekonda biss vantaġġ fuq David Michinson ta’ Cinnamon Cafe Saddle Drunk Race Team u Etienne Bonello tat-Team Greens li t-tnejn irreġistraw l-istess ħin ta’ sekonda waħda wara r-rebbieħ. Il-Kolumbjan Joaquin Rojas tat-Team Greens baqa’ l-lider ta’ din il-kategorija b’ħin totali ta’ 1:45:10, vantaġġ ta’ sekonda waħda fuq Etienne Bonello.

Fi tmiem dan l-istadju, Daniel Borg Olivier, Teżorier tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu u Steve Zammit Lupi mill-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żebbuġ ippreżenta l-midalji lir-rebbieħa. Dan it-Tour qed jsir taħt l-awspiċji tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, bis-sapport ta’ SportMalta u l-Kumitat Olimpiku Malti.

It-Tour ta’ Malta jkompli għada s-Sibt, tiġrija fuq iċ-ċirkwit ta’ 5km f’Ta’ Pinellu, l-Mellieħa fejn l-Elite ser jagħmlu 10 dawriet, filwaqt li n-Nisa u l-Masters ser jagħmlu 7 dawriet. It-tluq ser ikun fis-7:00 ta’ filgħodu.

Sport