Sunday, November 24, 2024

Transport Malta ħarġet 32,800 kontravenzjoni fl-2023

Aqra wkoll

Transport Malta kompliet  matul is-sena li għaddiet iżżid l-infurzar fit-toroq sabiex tiġi żgurata osservanza mar-regolamenti tat-traffiku u toroq aktar sikuri għal kulħadd. L-impenn tal-Awtorità biex iżomm l-ordni fit-toroq jidher ċar fl-istatistika miksuba matul it-tnax-il xahar tas-sena li għadha kif intemmet. 

Fl-2023, l-Awtorità ħarġet total ta’ 32,801 kontravenzjoni li permezz tagħhom intbagħat messaġġ qawwi kontra l-ksur tar-regolamenti tat-traffiku. Madwar 6,000 multa amministrattiva ġew imposti fuq min wettaq xi ksur, li kompla jenfasizza d-dedikazzjoni tal-Awtorità biex iżżomm responsabbli lil dawk li jikkompromettu s-sigurtà fit-toroq. 

Fi sforz biex jiġu miġġielda prattiċi illegali u perikolużi, l-Awtorità kkonfiskat numru sostanzjali ta’ vetturi, fosthom 570 karozza, 376 escooter, u 115 -il number plate. Dawn l-azzjonijiet servew bħala deterrent li jsaħħaħ l-importanza li wieħed iżomm mar-regolamenti tat-traffiku.

Il-kollaborazzjoni kienet essenzjali għas-suċċess tal-Awtorità hekk kif saru numru ta’ spezzjonijiet fit-toroq, uħud minnhom saru b’kollaborazzjoni mal-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg (DIER), u l-Awtorità Ewropea tax-Xogħol (ELA). 

Din il-kooperazzjoni ippermettiet li jsiru spezzjonijiet komprensivi tal-konformità tas-sewwieqa mar-regolamenti u saħħaħ aktar l-impatt tal-isforzi tal-infurzar. Ittieħdet inizjattiva proattiva notevoli mill-Awtorità qabel il-bidu tas-sena skolastika sabiex jiġi żgurat fluss tat-traffiku bla xkiel f’każ ta’ inċidenti fit-toroq. 

Dan wera l-impenn ta’ Transport Malta kemm għal miżuri preventivi kif ukoll għal reazzjoni rapida għal inċidenti mhux previsti. Il-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, is-Sur Jonathan Borg, esprima l-apprezzament tiegħu għall-kisbiet notevoli tal-Awtorità fil-ħolqien ta’ toroq aktar sikuri għal kulħadd. 

Huwa saħaq li l-isforzi bla heda talAwtorità u l-impenn bla waqfien tal-ħaddiema tagħha qed joħolqu ambjent ta’ osservanza lejn irregolamenti tat-traffiku u toroq aktar sikuri. Is-Sur Borg irringrazzja ukoll lill-Uffiċjali tal-Infurzar ħabrieka, li bid-dedikazzjoni bla heda tagħhom inkisbu dawn ir-riżultati. 

Hija r-rieda ta’ Transport Malta li taħdem b’mod diliġenti u timplimenta miżuri strateġiċi biex ittejjeb issikurezza fit-toroq u titrawwem kultura ta’ osservanza fost is-sewwieqa. Ir-riżultati huma xhieda tal-impenn bla waqfien tal-Awtorità biex toħloq ambjent sigur fit-toroq tagħna. 

Sport