NGOs u akkademiċi jitolbu li jinfetaħ mill-ġdid l-aċċess għall-ħabs ta’ Kordin
Grupp ta’ attivisti u akkademiċi ltaqgħu għall-velja “Dinjità fil-Ħabs” sabiex ifakkru l-ħabsin li mietu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin fl-aħħar sentejn.
Fi stqarrija, l-attivisti qalu li “l-imwiet ta’ Kordin huma riżultat ċar tat-tmexxija bit-terrur li ħaddan id-Direttur tal-ħabs, Alex Dalli. La r-riżenja tiegħu u wisq anqas il-fatt li ssospenda ruħu m’huma ser iġibu l-vittmi lura.”
“Minkejja l-inkjesti interni li għaddejjin għadna ma nafux eżattament x’wassal għal dawn l-imwiet. Barra minn hekk, il-Kulunell Dalli neħħa l-aċċess tal-ġurnalisti u l-attivisti għall-ħabs u għamel minn Kordin il-fortizza tiegħu. Mingħajr aċċess għall-Kordin, kienet faċli għal Dalli li jmexxi l-ħabs kif irid, mingħajr ebda sorveljanza.
L-attivisti jitolbu lid-Direttur il-ġdid, Robert Brincau, sabiex jerġa’ jiftaħ l-aċċess għall-ħabs għall-NGOs u l-ġurnalisti. L-aċċess għall-ħabs għandu jiżgura amminstrazzjoni trasparenti u bidu ġdid wara l-metodi orribbli ta’ Dalli.
Il-koalizzjoni talbet ambjent sikur u dinjituż għall-priġunieri. “Nixtiequ naraw ħabs li verament jinvesti fir-riabilitazzjoni tan-nies u mhux fit-tortura. Fuq kollox, nixtiequ t-tmiem tas-sistema ta’ abbużi li rajna taħt Dalli u li ma jkunx hawn iżjed imwiet fil-ħabs.
Il-gruppi laqgħu t-tnedija tal-inkjesta indipendenti tal-Ombudsman u jistennew li l-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi, Byron Camilleri, jerfa’ r-responsabbiltà politika għar-riżultati ta’ dan ir-rapport. “Minbarra l-inkjesta interna mmexxija minn persunal magħżul minnu stess, il-Ministru Camilleri għandu jqis ukoll ir-riżultati tal-inkjesta indipendenti li l-Ombudsman fetaħ fuq inizjattiva tiegħu stess, wara li waslulu bosta rapporti ta’ tmexxija ħażina tal-ħabs.”