Ir-rebħa storika tal-Partit Laburista hija sinifikanti ħafna mhux biss għall-fatt storiku li għall-ewwel darba partit politiku f’Malta rebaħ ir-raba’ mandat elettorali wara xulxin. Hija sinifikanti wkoll għaliex għal darb’oħra intweriet il-maturità tal-elettorat Malti meta jiġi biex jiddeċiedi x’inhu l-aqwa u l-aħjar għall-futur ta’ pajjiżu.
Din id-darba żgur li l-vot tal-Maltin u l-Għawdxin kien għażla favur Gvern kompetenti, kredibbli u li kapaċi jkompli jġib l-istabbilità fil-pajjiż. Fuq kollox, il-vot tat-30 ta’ Mejju kien vot ta’ fiduċja filPrim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela u fit-tim ta’ politiċi kompetenti li bena madwaru. Dan huwa t-tim li fis-sitt snin u nofs li għaddew rnexxielna nkomplu nibnu fuq is-saħħa ekonomika li bnew l-amministrazzjonijiet Laburisti ta’ qabel biex stajna niffaċċjaw sensiela ta’ kriżijiet internazzjonali li d-dinja ftit għaddiet minnhom qabel.
Il-Partit Laburista tul ilħames ġimgħat ta’ kampanja elettorali irnexxielu jispjega u jipperswadi lin-nies li Malta f’dan il-mument kruċjali teħtieġ li tkompli fittriq tal-progress billi tafda t-tmexxija f’idejn min saħħaħ l-ekonomija, ħoloq ix-xogħol u kabbar il-ġid nazzjonali bl-għan ewlieni li dan il-ġid jitqassam b’mod mill-aktar ġust fost kulħadd imma b’mod partikolari fost dawk l-aktar li jeħtieġu li jkunu mgħejjuna.
Il-Partit Laburista bil-proposti tiegħu fil-Manifest Elettorali rnexxielu jfisser it-triq il-quddiem li għandha tkun wahda li fih jkompli jikber il-ġid ħalli dawk il-proposti kollha tal-Manifest nibdew inwettquhom minnufih għall-ġid ta’ kulħadd. Hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela għoġbu jafdani bir-responsabbilta li nsegwi it-twettieq tal-Manifest INT MALTA, se nkun qed nikkordina mal-ministeri l-oħra kollha biex insegwi l-implimentazzjoni ta’ dan il-manifest.
Fost dawn fis-snin li ġejjin irridu nwettqu l-miżuri fiskali bħall-bonus tal-€1,000 fis-sena lil kull min jaħdem, it-titjib fil-pensjonijiet, it-titjib fl-inċentivi għall-first time buyers. Irridu naraw li jibdew jitwettqu l-proġetti ambjentali kbar bħar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Manoel Island, il-White Rocks u Forti Campbell.
Irridu ntellqu l-proġetti tal-bini tal-isptar il-ġdid f’San Vinċenz, l-estensjoni tal-emerġenza f’Mater Dei, u l-bini tal-faċilita għas-Saħħa Mentali f’Mater Dei ukoll. Fuq kollox irridu naraw ukoll jibda jitwettaq il-proġett dwar it-trasport pubbliku f’pajjiżna. Għandna quddiemna programm vast ta’ ħidma li deħlin għalih bl-akbar entużjażmu għax nafu li l-poplu Malti għażel lill-Partit Laburista propju għax ra kemm huma kredibbli u fattibbli dawn il-proposti.
Se nkun qed nara li b’dak li nkunu qed inwettqu, nkunu qed intejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u Għawdxin skont il-wellbeing index li aħna stess fassalna mal-Manifest Elettorali. Jien ser nara li nkomplu inkabbru l-opportunitajiet għall-ġenerazzjoni żagħżugħa billi nara li jitwettqu fiż-żmien li ġej dak kollu li wegħdna liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Irrid li ż-żgħażagħ tagħna jkomplu jimirħu u joħolmu bi proġetti li lesti ngħinuhom iwettqu bl-għajnuniet ta’ ħelsien mittaxxa u inċentivi oħra bħalma wegħdna fil-Manifest tagħna.
Fuq bażi personali, nixtieq nieħu din l-opportunita biex nirringrazzja lill-elettorat tal5 u s-6 distrett li għoġobhom jagħtuni l-fiduċja tagħhom. Ninsab tassew grat għal dan l-appoġġ u nwiegħed li bħalma għamilt fil-leġislatura li għaddiet, ser nibqa’ qrib tagħhom biex nara li ngħin kull fejn nista’ u nara wkoll li jitwettqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.


