Sunday, November 24, 2024

Vuċi aktar b’saħħitha għad-diżabilità

Aqra wkoll

Filwaqt li l-vuċi hi l-aktar ħaġa prezzjuża biex soċjetà tkun tista’ tevolvi, tikber u timmatura, min-naħa l-oħra hu importanti li jkollok ukoll l-għodda biex tkun tista’ taħdem bħala pajjiż.

Fid-diskors tagħha fil-jum dinji ddedikat lill-persuni b’diżabilità, waqt il-konferenza nazzjonali tal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità bit-tema ‘Vuċi aktar b’saħħitha għad-diżabilità’, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli qalet li hu proprju dak il-mument meta ma nibqgħux siekta għal dak li nemmnu fih li jiddistingwina.

Il-Ministru Farrugia Portelli spjegat li matul dawn it-12-il xahar il-gvern ta vuċi lill-persuni b’diżabilità billi, permezz tal-liġi li tressqet din il-ġimgħa, ipprovda l-għodda ħalli dawk li jwettqu reat kriminali fuq persuni b’diżabilità jitressqu l-qorti u jieħdu ta’ għemilhom. Il-Ministru qalet li permezz ta’ din il-liġi se nkunu fost l-ewwel sitt pajjiżi tal-Unjoni Ewropea li nkunu tajna din il-vuċi.

Il-Ministru semmiet ukoll kif il-gvern ta vuċi wkoll lill-persuni b’diżabilità billi, flimkien mal-imsieħba soċjali, ikompli jkisser l-isterjotipi sabiex ikun hemm opportunitajiet indaqs ta’ xogħol, fuq il-bank tal-iskola, kif ukoll soċjalment u kulturalment. 

Fid-diskors tagħha, il-Ministru semmiet ukoll kif għall-ewwel darba pajjiżna għandu l-ewwel strateġija dwar l-awtiżmu u anke strateġija nazzjonali għad-disa’ snin li ġejjin. Dwar dan, il-Ministru qalet li d-dokument hu wieħed b’saħħtu peress li nħadem mal-imsieħba soċjali, li kienu parteċipi u ta’ spalla għall-gvern.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dawn il-qabżiet fil-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità se nkomplu ngħixuhom flimkien matul il-ġimgħa d-dieħla, meta se naraw proġetti mressqin mill-komunità, kunsilli lokali u NGOs jiġu implimentati b’rabta mal-istrateġija nazzjonali.

Biex tkompli tissaħħaħ il-vuċi tal-persuni b’diżabilità, il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet li matul is-sena d-dieħla se nersqu lejn bidla oħra meħtieġa fuq il-Personal Autonomy Act, li bdiet il-ħidma fuqha fl-aħħar xhur u li matul is-sena d-dieħla għandha anke toħroġ għall-konsultazzjoni pubblika.

Finalment, il-Ministru tat istruzzjonijiet biex flimkien mal-Istitut Malti tal-Ġurnalisti tinħoloq kategorija li tirrikonoxxi stejjer pożittivi dwar persuni b’diżabilità, kif ukoll biex flimkien mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità jinħoloq manwal għall-ġurnalisti.

Min-naħa tagħha, il-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità Samantha Pace Gasan saħqet li għandu jingħata aktar spazju lill-persuni b’diżabilità stess fl-għaqdiet li jirrappreżentawhom, speċjalment lil persuni li huma residenti fl-istituzzjonijiet. Hi kompliet tgħid li fost il-prijoritajiet tas-CRPD għas-snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tkun qiegħda tesplora soluzzjonijiet u kollaborazzjoni ma’ setturi oħra li potenzjalment jistgħu jindirizzaw sfidi li ilhom jesperjenzaw persuni b’diżabilità għal tul ta’ snin.

Sport