Charles Callus kien wieħed mit-tim ta’ nies li għenu sabiex jiġi esebit il-presepju Malti fil-Parlament Ewropew. Kienet xi ħaġa li għall-bidu setgħet kienet ħolma iżda li maż-żmien saret realtà. Callus kiteb dwar dan ukoll fuq il-profil tiegħu ta’ Facebook.
“Issa li għandi mument kwiet, nista’ nirrifletti fuq dak li ġara f’dawn l-aħħar ġimagħtejn. Li tesebixxi fil-Parlament Ewropew kienet ħolma, u qisni għadni ma rridx nemmen li ġiet u marret u li kienet suċċess kbir. Għalhekk, minn hawn, nixtieq nirringrazzja, għal darb’oħra, lill-moħħ wara din l-eżebizzjoni, l-Onor. Alex Agius Saliba, MEP, li kellu viżjoni li rnexxielu jwettaq b’suċċess. Warajh, tiġi eżatt l-assistenta tiegħu Elena Thevissen. Mingħajrha, xejn ma kien ikun possibbli. Din il-wirja kienet ukoll possibli bl-għajnuna tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Kultura u l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.”
Dan fost numru ieħor ta’ nies li ħadmu minn wara l-kwinti sabiex din il-wirja f’dan iż-żmien hekk sabiħ tas-sena issir.
Dan is-sit tkellem ma’ Callus fejn tana aktar dettalji dwar din il-wirja li ħafna hemmhekk sejħulha mhux tas-soltu. “L-idea li nibnu presepju Malti fi Brussell nibtet madwar sentejn ilu meta kien kellimni l-membru parlamentari l-Onorevoli Alex Agius Saliba li xtaq xi ħaġa partikolari u tradizzjonali għal dawn iż-żminijiet tant sbieħ tal-Milied. Jiena mal-ewwel għedtlu li din ma kinitx se tkun biċċa xogħol faċli iżda bl-għajnuna ta’ tim ta’ nies, dan kollu seta’ jsir realtà.”
Charles Callus semma’ b’mod partikolari l-ħidma ta’ nies dilettanti tal-presepji sabiex xi ħaġa li għall-bidu dehret impossibbli, din issir possibbli.”
Fost l-oħrajn kien hemm il-persuna li ħadet ħsieb tikkoordina minn Malta, Paul Stellini. Dan ikkordina l-wirja kollha, kif ukoll l-eżebiti tal-għaqda tiegħu, li jien ukoll membru fiha, Ghimmanu-El Ghaqda Presepisti Ghajnsielem Ghawdex Malta. Kien hemm ukoll is-sehem ta’ sħabi l-eżebituri l-oħra tal-Marsa, li kienu jinkludu lil Alan Briffa u Dominic Spencer Kunsillier Marsa, f’isem il-Kunsill Lokali tal-Marsa. Kien hemm ukoll Adrian Gatt li, bl-esperjenza vasta tiegħu f’wirjiet internazzjonali, kien ta’ għajnuna kbira għal kulħadd.
Kelli wkoll helpers oħra ġewwa Brussell bħal Karmenu Scicluna, Jason Ancilleri u Reuben Pullicino. Mingħajrhom, xejn ma kien ikun possibbli. Imbagħad, hemm il-helpers li għenuni nerġa’ nġorr il-presepju mit-trailer lejn il-Birgu. Dawn jinkludu lil Elton J. Randich, Harrison Reed, Jadon Ancilleri u Luca Lorenzo.”
Callus qal li l-għajdut ġenerali kien li din kienet waħda mill-akbar wirjiet li wieħed seta’ jara f’dawn l-aħħar 20 sena fil-bini tal-Parlament Ewropew. Kien hemm ħafna nies u parlamentari li żaru din il-wirja li hi tipikament Maltija u li kulħadd tgħaxxaq jaraha.
Iżda hemm ċans li din issir kull sena?
“Naħseb li hu xi ftit impossibbli li ssir kull sena iżda żgur li se noħorġu b’ideat oħra u wirjiet partikolari li jħallu lil kulħadd kuntent.”
Finalment Charles Callus qalilna li l-livell tal-wirjiet tal-presepji Maltin qed dejjem jogħla u dan jawgura tajjeb sabiex din it-tradizzjoni tibqa’ sseħħ minn ġenerazzjoni għall-oħra. Din il-wirja bħalissa tinsab esebita fil-Kunsill Lokali tal-Birgu.