Saturday, December 21, 2024

“Wara dak li ħareġ illum, jidher li l-PM kellu raġun li tkellem kif tkellem tliet xhur ilu” – il-Ministru Byron Camilleri

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Parlament, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u x-Xogħol Byron Camilleri kien mistoqsi għal darba darbtejn mid-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott jekk huwa għandux fiduċja fil-ġudikatura.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Camilleri stqarr li huwa segwa l-kummenti tal-Prim Ministru kemm matul il-ġurnata tat-Tnejn u anke llum, u qal li d-diċerija sew jekk hux fil-Parlament, fuq il-blogs jew fil-midja soċjali, illi l-inkjesta (dwar il-konċessjoni tat-tliet sptarijiet) kienet se tiġi magħluqa fi żmien l-elezzjoni ilha tiġri.

Il-Ministru Camilleri semma kif meta tliet xhur ilu l-PM kien mistoqsi mill-ġurnalisti, dak iż-żmien huwa kien diġà qed jitkellem fuq din il-possibiltà. “Li nista’ ngħid huwa li wara li dak li ħareġ illum, jidher li l-Prim Ministru kellu raġun li tkellem kif tkellem anke tliet xhur ilu.”

“Lill-Oppożizzjoni ngħidilhom: jekk jaħsbu li b’xi mod aħna mhux se naħdmu aktar għax it-timing li ntgħażel hu dak li hu, qed jgħarralhom,” kompla jgħid il-Ministru Camilleri.

L-ebda ftehim biex il-Parlament jieqaf fit-8 ta’ Mejju…

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar iddikjara li t-Tnejn li għadda kien hemm tentattiv mill-Gvern, mingħajr ftehim mal-Oppożizzjoni, li l-Parlament jieqaf fit-8 ta’ Mejju.

Cutajar qal li llum jista’ jifhem din l-urġenza u skontu l-ħeġġa biex il-gvern iwaqqaf il-Parlament bl-iskuża tal-elezzjonijiet. “Din in-naħa tal-kamra m’hemmx qbil. Anzi nemmnu bis-serjetà li l-Parlament huwa l-ogħla istituzzjoni fil-pajjiż. L-istituzzjonijiet għandhom jitħallew jaħdmu.”

“Allura din in-naħa tal-Kamra m’għandha l-ebda ftehim jew qbil mal-Gvern li nieqfu fit-8 ta’ Mejju. Għall-Oppożizzjoni nistgħu nibqgħu għaddejjin anke fil-ġimgħa ta’ qabel u ta’ wara l-elezzjoni. Il-ftehim kien li nieqfu fit-22 (ta’ Mejju),” żied jgħid Cutajar.

Ekonomija

Sport