Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, il-Kunsill Lokali tan-Nadur organizza edizzjoni oħra tal-wirja Agrarja u ta’ Artiġjanat, avveniment li jiġi organizzat ftit tal-jiem qabel il-festa tal-Imnarja.

F’din l-attività, il-pubbliku seta’ jgawdi minn programm varjat li kien jinkludi wirjiet tat-tjur u fniek, tberik taż-żwiemel, ponijiet u ħmir u anke wirjiet ta’ trakkijiet u makkinarju antik.

Ma setgħux jonqsu l-prodotti agrikoli u tal-ikel, l-artiġjanat u snajja’ maħduma bl-idejn, kif ukoll divertiment u attivitajiet għall-familja kollha.

