Sunday, November 3, 2024

Wizz Air se twaqqaf linja tal-ajru ġdida bbażata f’Malta

Aqra wkoll

Wizz Air se twaqqaf linja tal-ajru ġdida – Wizz Air Malta – liema linja se tkun ibbażata f’Malta. Hekk qal il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura, u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia, li fisser kif din id-deċiżjoni hija indikazzjoni oħra li Malta hija tassew il-ġurisdizzjoni preferuta tal-operaturi li joperaw fl-industrija tal-avjazzjoni.

Din l-aħbar qed issir wara xhur ta’ diskussjonijiet u negozjati bejn numru ta’ partijiet interessati, fosthom id-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili (CAD) fi ħdan Transport Malta, Wizz Air, u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà fl-Avjazzjoni.

Il-Ministru Farrugia spjega kif permezz ta’ din id-deċiżjoni, Wizz Air se tkun qed tirreġistra ammont sostanzjali ta’ ajruplani f’pajjiżna, u tkompli żżid in-numru tal-flotta fir-reġistru 9H li diġà huwa wieħed b’saħħtu. Qal li Malta se tkompli tappoġġja lill-investituri li jagħżlu lil Malta bħala l-post minn fejn joperaw kemm għall-benefiċċju ta’ din l-industrija tant importanti, u fl-aħħar mill-aħħar għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Huwa mistenni li din id-deċiżjoni tħalli impatt sinifikanti fuq l-ekonomija tagħna u tiġġenera aktar impjiegi, opportunitajiet u inizjattivi ġodda.

Il-Kap tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili l-Kaptan Charles Pace qal li huwa ta’ sodisfazzjon kbir li din il-linja tal-ajru għażlet lil pajjiżna. Huwa rringrazzja lis-Sur Varadi, Kap Eżekuttiv ta’ Wizz Air, u lill-bord tad-diretturi. Żied ukoll li din it-tħabbira hija frott il-ħidma sfiqa tal-ħaddiema tad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili li x-xogħol regolatorju li jwettqu qed ikun rikonoxxut.

Sport