Ix-xmara Wupper tiżbokka mix-xmara ikbar Rhein ġewwa l-istat ta’ Duesseldorf (ftit ’il bogħod minn Koeln) fil-Punent tal-Ġermanja. Sa mill-15-il seklu l-ġnub ta’ din ix-xmara attiraw mijiet ta’ mkejjen għall-ħaddiema, mtieħen u fabbriki. Għalhekk, wara r-rivoluzzjoni industrijali (1760 fir-Renju Unit sa wara l-1800 fl-Ewropa), ma damitx ma saret il-benniena tal-industrijaliżmu. L-ilmijiet tagħha fil-fatt kienu jintużaw għall-għoti tal-kuluri lid-drapp u għall-użu tal-kimiċi kif ukoll għal innovazzjoni fl-użu tal-ilma bħala sors ta’ enerġija jew għat-trasport ta’ materjali mormija mill-industrija.
Il-belt ta’ Wuppertal (li litteralment tfisser ‘Wied il-Wupper’) kienet għalhekk waħda mill-ewwel bliet industrijalizzati u fl-akwati tagħha kien hemm ukoll il-produzzjoni tal-faħam.
Għalhekk ma kinitx kumbinazzjoni li x-xmara Wupper kienet waħda minn tal-ewwel li tniġġset mill-industrija fl-Ewropa. U fost in-nies li kienu qed jaraw dan kollu jiġri quddiem għajnejhom ma kienx hemm biss il-ħaddiema nfushom, li kienu mħallsa bil-loqom, imma wkoll Friedrich Engels. Fil-fatt Friedrich kien imwieled f’dan ir-reġjun. U kien l-id il-leminija ta’ Karl Marx. Flimkien waqqfu l-moviment Soċjalista li minnu ħarġu l-iktar ideoloġiji importanti ta’ żminijietna.
U dan l-aħħar fi xkaffa ġo ħanut tal-kotba ġewwa Malta ltqajt ma’ kopja ta’ ‘il-Manifest Kommunista’ ta’ Marx u Engels. U qed naqrah u nipprova nifhem, bil-moħħ tas-seklu wieħed u għoxrin, x’ispira lil dawn iż-żewġ persunaġġi biex jiktbu mill-bidu sal-aħħar dal-kotba/dokumenti tant influenti li fuqhom huma bbażati ħafna partiti moderni.
Interessanti l-fatt illi Engels stess kien ġej minn familja li proprju kellha fabbrika tat-tessuti imma seta’ jħoss l-għafsa tal-ħaddiem wara l-introduzzjoni tal-magna. L-ewwel pubblikazzjoni tiegħu ‘die Lage der arbeitenden Klasse’ (‘Stat tal-klassi tal-ħaddiema’) ippubblikata fl-1845. F’dan il-ktieb, li kien jitkellem l-iktar fuq l-istat, abbuż u jasar tal-ħaddiem fl-Ingilterra – speċjalment f’naħat bħal Manchester u Liverpool, huwa argumenta bis-sħiħ illi r-Rivoluzzjoni Industrijali ħalliet effetti devastanti fuq il-ħaddiem,il-kundizzjonijiet tal-għajxien tiegħu u saħħtu. Qal li l-inċidenza ta’ ċertu mard bħall-ġidri u l-gattone kienet erba’ darbiet ogħla minn fl-irħula u li l-mewt minn puplesiji u kawżi simili kienu għaxar darbiet aktar. Jgħid li qabel ma ġew introdotti l-imtieħen 4,408 tifel u tifla minn kull 10,000 kienu jmutu qabel ma jagħlqu ħames snin. Wara li ġew introdotti l-imtieħen 4,738 tifel u tifla bdew imutu minn kull 10,000. Bl-istess mod, qabel ma ġew introdotti l-imtieħen 1,006 adult kienu jmutu qabel ma jagħlqu 39 sena. Wara li ddaħħlu l-imtieħen din ir-rata telgħet għal 1,261.
L-emfasi ta’ Engels ma kinux biss il-pagi li kienu qed jitħallsu l-ħaddiema imma wkoll x’seta’ wieħed jiekol u kif seta’ jgħix il-ħaddiem b’tali pagi. Huwa argumenta li l-ħaddiem fl-industrija kellu paga inqas mill-bidwi u kundizzjonijiet ferm agħar.
Engels ħaseb li l-pagi fi żmienu kienu sfruttati b’tali mod illi mhux talli kienu minimi imma talli kienu jkopru biss dak li l-ħaddiem kellu bżonn biex jibqa’ ħaj u jirriproduċi u li ma kien hemm ebda mod kif jogħlew. Fil-fatt isejjaħ dan l-istat bħala l-‘minimu tal-ġuħ’ għall-massa tal-poplu.
Kienu dawn il-ħsebijiet li wasslu sabiex jinbena moviment kbir fl-istorja. Wisq iktar wara li Engels iltaqa’ ma’ Marx ġewwa Pariġi fl-1844.
Speċjalment wara li mar jgħix l-Ingilterra Engels kien ra l-miżerja li kienu qed jgħixu fiha l-Ingliżi u l-immigranti Irlandiżi sfruttati mill-industrijalist. Ra wkoll, iżda, x’effett jista’ jkollha l-għodda tal-istrajk u l-għaqda bejn l-istess ħaddiema.
Meta nħarsu llum, għalkemm nistgħu nħarsu lura lejn kitbiet bħal dawn bħala storiċi, xorta waħda nistgħu mmorru lura lejn l-għeruq. Dan għaliex dak li ġara f’dawn l-ewwel żminijiet sejjes dak li ngħixu llum. U l-isfruttament tal-ħaddiem se jkompli, jekk mhux f’pajjiż f’ieħor, jekk mhux f’livell f’ieħor. Jista’ jgħolli rasu b’modi differenti u huwa proprju għalhekk illi rridu nrażżnuh qabel ma jikber. Filwaqt li ma ninsew qatt minn fejn tlaqna, nitgħallmu dejjem mill-passat. Dan sabiex il-ġejjieni jkun aħjar.
Għalkemm Engels tkellem ftit inqas minn mitejn sena ilu, xorta waħda t-temi ta’ benesseri tal-ħaddiem, pagi, tniġġis mill-industrija, mard minħabba xogħol u kundizzjonijiet t’għajxien għadna nitkellmu dwarhom il-ħin kollu. Tbiddel wiċċ il-problema iżda l-problema jew it-theddida tagħha għadha hemm. Huwa għalhekk illi politika xellugija għadha relevanti.
Lorna Borg Vassallo studjat Liġi bi speċjalizzazzjoni fil-Liġi tal-UE. Ikkontestat għal 3 elezzjonijiet ġenerali u waħda tal-parlament Ewropew. Ilha tikteb fuq ‘L-Orizzont’ sa mis-sena 2000 b’intervalli qosra. Għal aktar artikli www.vassallolorna.com
Wuppertal
-Tikteb Lorna Borg Vassallo

