Tuesday, December 31, 2024

X’ġara fl-2024?

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Bħalma nagħmlu ta’ kull sena, sejrin nagħtu ħarsu lejn l-avvenimenti prinċipali fl-isfera tal-politika internazzjonali li ddominaw is-sena 2024. L-aktar li spikkaw kienu diversi elezzjonijiet madwar id-dinja kif ukoll żieda qawwija fl-istabilità politika li ħadet diversi forom f’diversi pajjiżi kbar.

Elezzjonijiet Storiċi

Matul l-2024, kellna xejn anqas minn 80 pajjiż li marru għall-ġudizzju taċ-ċittadini tagħhom. Dan ifisser li kważi 55% tal-popolazzjoni tad-dinja, jew kważi 4 biljun ruħ, kienu involuti f’xi forma jew oħra ta’ votazzjoni. Mingħajr dubju, is-sena 2024 kienet iddominata minn elezzjonijiet storiċi fejn rajna pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Messiku jagħżlu mexxejja ġodda u fuq kollox kellna lill-Istati Uniti jagħtu l-poter mill-ġdid lill-eks president.

Diversi votanti madwar id-dinja riedu jagħtu tbeżbiża lil diversi partiti u politiċi li kienu fil-poter mingħajr ma neħħewhom kompletament mill-poter. Hekk ġara ġewwa l-Indja, il-Ġappun u ġewwa l-Afrika t’Isfel fejn rajna partiti li qabel kellhom maġġoranzi komdi ħafna jkollhom jirrikorru għal koalizzjonijiet sabiex baqgħu jmexxu.

Pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Istati Uniti ddeċidew li jwarrbu kompletament lill-mexxejja tagħhom. Ġewwa l-Ingilterra u l-pajjiżi l-oħra li jiffurmaw ir-Renju Unit rajna r-rebħa inkredibbli tal-Partit Laburista mmexxi minn Keir Starmer li ta tkaxkira liema bħalha lill-Partit Konservattiv li kien ilu fil-poter għal ħafna snin. Fuq kollox, ġewwa l-Istati Uniti rajna r-rebħa storika ta’ Donald Trump fuq Kamala Harris, rebħa li ssuperat kull aspettattiva u li rat lill-eks president jingħata lura l-poter wara erba’ snin, wara kampanja presidenzjali li kienet l-aktar waħda intensa ta’ kull żmien fejn assistejna għal attentati ta’ qtil fuq kandidat u kandidat jċedi l-armi fl-eqqel tal-kampanja.

Ġewwa l-Ewropa kellna l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fejn għal darba oħra partiti tal-lemin kellhom rebħa konvinċenti. Dawn ir-riżultati wasslu lill-President Franċiż Emmanuel Macron sabiex isejjaħ elezzjonijiet bikrin, elezzjonijiet li fihom il-partiti leali lejh marru ħażin ħafna u minhabba ta’ dan ir-riżultat jista’ addirittura jitlef il-presidenza. Is-sena 2024 rat ukoll lill-Ġermanja tidħol f’ċiklu ta’ nstabilità politika li m’aħniex imdorrijin naraw minhabba li l-koalizzjoni xellugija fil-poter marret ħażin ħafna fl-elezzjonijiet li saru.

Ġewwa l-Messiku rajna lill-poplu Messikan jagħti l-poter lil Claudia Sheinbaum, sabiex b’hekk il-Messikani għamlu dak li sa issa l-ġar tagħhom, l-Istati Uniti, falla li jagħmel għal darbtejn, jiġifieri li jtella’ mara bħala president.

Gwerer u ġlied

Kif kien mistenni, il-konsegwenzi tal-attakk fuq Iżrael tal-Ħamas lejn l-aħħar tal-2023 inħassu sew matul l-2024. L-Iżrael wera snienu bil-kbir ġewwa Gaża fejn jingħad li nqatlu kważi 50,000 Palestinjan fosthom il-mexxej tal-istess Ħamas Yahya Sinwar.

Fl-istess żona, il-kobba kompliet titħabbel b’attakki bil-missili bejn Iżrael u l-Iran. Matul l-2024, il-gwerra ta’ Gaża ġiet estiża għal ġewwa l-Libanu fejn rajna l-armata Iżraelita tinvadi lil-Libanu u tibda ġlieda mdemmija kontra l-Ħeżbollah fejn hawnhekk ukoll rajna lil Iżreal jelimina lill-mexxej tal-istess Ħeżbollah, Hassan Nasrallah.

Dawn id-daqqiet kollha fit-tmexxija tal-Ħamas u l-Ħeżbollah dgħajfet bil-kbir is-saħħa kbira li dawn kellhom ġewwa s-Sirja bħala alleati tad-dittatur Bashar al Assad. Dan wassal għall-waqgħa tad-dinastija al-Assad li kienet ilha tmexxija b’id tal-ħadid lis-Sirja għal ħamsin sena.

Fuq kollox, għajnejn id-dinja kienu fuq il-gwerra tal-Ukrajna li issa qabżet l-elf jum tagħha. Tassew xokkanti huwa dak li żied jinħema b’konsegwenza ta’ din il-gwerra fejn qegħdin naraw kollaborazzjoni verament perikoluża bejn pajjiżi mmexxijja minn mexxejja awtokrati bħaċ-Ċina, l-Iran, il-Korea ta’ Fuq u l-istess Russja. Fil-fatt, minbarra l-preżenza ta’ suldati Koreani fil-gwerra tal-Ukrajna spalla ma’ spalla mal-armata ta’ Putin, rajna lill-Iran jipprovdi eluf ta’ drones lir-Russi u liċ-Ċina tassisti lil Putin fil-bini mill-ġdid tal-infrastruttura difensiva tiegħu.

Issa li f’Jannar li ġej, Donald Trump sejjer jerġa’ jieħu f’idejh it-tmun tal-pajjiż l-aktar b’saħħtu tad-dinja, wieħed jittama li jwettaq il-wegħda prinċipali tiegħu, jiġifieri dik li jwaqqaf il-gwerrer li semmejna b’mod immedjat. Forsi hawnhekk joħroġ biċ-ċar f’liema sitwazzjoni miskina tinsab fiha d-dinja bħalissa li qiegħda tittama kollox f’politiku daqshekk imprevedibbli bħal Donald Trump.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport