Ftit tal-jiem ilu, il-Kuntistabbli K. Scicluna (PC2186) u l-Kuntistabbli R. Tonna (PC1113), mill-Unit tal-Pulizija tat-Traffiku, iltaqgħu għall-ewwel darba mas-Sur Maurice Galea, persuna li kienu salvaw u assistew waqt inċident tat-traffiku fis-6 ta’ Mejju 2026 f’Tas-Sliema.
Il-Kuntistabbli Scicluna u Tonna kienu qed jagħmlu ronda meta xi persuni li kienu għaddejjin mill-inħawi għamlulhom sinjal biex jieqfu. Malli niżlu mill-vettura tagħhom, mill-ewwel innotaw li kien hemm persuna maqbuda bejn karozza u trakk.
F’dak il-mument, il-Kuntistabbli Scicluna u Tonna, mingħajr ma’ tilfu l-ħin, neħħew iċ-ċinturin tagħhom, dawruh ma’ saqajn Maurice u ssikkawh kemm setgħu biex iwaqqfu d-demm. Waqt il-laqgħa tagħhom fl-Isptar Mater Dei, is-Sur Galea mill-ewwel għaraf liż-żewġ uffiċjali u rringrazzjahom ta’ dak li kienu għamlu miegħu.
Huwa qalilhom li kieku ma aġixxewx b’dik il-ħeffa kollha, seta’ tilef ħajtu.
