Sunday, December 22, 2024

Żieda ta’ 4.9% fis-suq tax-xogħol fit-tieni kwart tas-sena 2023

Aqra wkoll

Stħarriġ tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika dwar is-suq tax-xogħol f’Malta juri li matul it-tieni kwart tal-2023, l-impjiegi kienu jlaħħqu l-294,313, jiġifieri 63.5% tal-popolazzjoni. Dan juri li kien hemm żieda ta’ 4.9% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena li għaddiet. 

Ħareġ ukoll li bħala medja, 79 persuna minn kull 100 fl-età bejn il-15 u l-64 sena kienu qegħdin jaħdmu. Ir-rata ta’ xogħol għall-irġiel kienet ta’ 85%, filwaqt li għan-nisa kienet ta’ 71.7%. L-akbar sehem taʼ persuni li jaħdmu kien fl-età bejn il-25 u l-34 sena, kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. 

Dwar il-qgħad, l-NSO qal li l-ammont taʼ persuni qegħda ammontaw għal  7,579, filwaqt li n-numru taʼ persuni mhux attivi fis-suq tax-xogħol kien taʼ 161,947. L-NSO qalet ukoll li dawk li jaħdmu għal rashom kienu jammontaw għal 14.8% tan-nies kollha bʼimpjieg ewlieni.

Il-biċċa l-kbira tan-nies li jaħdmu jagħmlu dan fuq bażi full-time jammontaw għal 258,909, filwaqt li l-35,404 oħra kellhom impjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom.Bħala medja, il-persuni b’xogħol full-time ħadmu 40.7 siegħa, filwaqt li dawk part-time ħadmu 22.0 siegħa fil-ġimgħa. 

L-NSO qal ukoll li fit-tieni kwart tal-2023, is-salarju bażiku medju fix-xahar tal-impjegati kien stmat taʼ €1,831. L-ogħla salarju bażiku kien irreġistrat fil-qasam tal-Attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni. 

L-NSO temm jgħid li s-salarji medji fix-xahar varjaw minn €1,163 fost persuni impjegati fʼxogħlijiet elementari għall-€2,994 fost il-maniġers. 

Ekonomija

Sport