Tuesday, April 23, 2024

113-il proġett approvati mill-Malta Enterprise fl-2021…investiment ta’ aktar minn €175 miljun

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli ħabbret li matul l-2021, ġew approvati 113-il proġett mill-Malta Enterprise. Proġetti li huma sew investiment dirett barrani u anke investiment lokali.

Hija ħabbret dan fid-diskussjoni parlamentari li saret ilbieraħ dwar l-abbozz ta’ liġi li jimpliementa l-miżuri tal-estimi fejn qalet li l-investiment totali minn dawn il-proġetti huwa ta’ aktar minn €175 miljun. Flimkien dawn il-proġetti se joħolqu ‘l fuq minn 1,700 impjieg.

Dawn huma figuri proviżorji għax is-sena 2021 għadha qed tagħlaq. Imma nista’ nikkonferma li t-total ta’ investiment f’pajjiżna għas-sena 2021, sena oħra ta’ pandemija qabeż dak tas-sena 2020.

“Dan l-investiment juri kemm l-investituri barranin u Maltin għandhom fiduċja f’dan il-pajjiż. Kemm jemmnu li ma’ dan il-Gvern jistgħu jaħdmu u jkomplu joħolqu x-xogħol,” qalet il-Ministru Dalli.

Kompliet tgħid li l-estimi li għandhom permezz tal-Malta Enterprise juru li din is-sena wkoll nistennew rekord ieħor f’dak li għandu x’jaqsam ma’ investiment, kemm investiment dirett barrani ġdid kif ukoll investiment lokali.

Il-Ministru Dalli semmiet ukoll li t-Tlieta filgħaxija ħarġu ċ-ċifri tal-inflazzjoni fiż-Żona Ewro mill-Eurostat. Ċifri li jitkellmu dwar l-inflazzjoni u b’mod partikolari dwar is-settur tal-enerġija. 

“Fiż-żona Ewro l-għoli tal-ħajja tela’ b’5%. Waħda mir-raġunijiet ewlenin għal din hi ż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, l-ilma u l-gass għaliex dawn żdiedu b’10%. F’Malta r-rata hi ta’ 0%. Assolutament l-ebda żieda fil-kontijiet tad-dawl, fil-prezz tal-gass u tal-fjuwils. Għax il-Maltin għandhom Gvern li fi żmien meta rridu li pajjiżna jirkurpa ekonomikament qed naraw li quddiem l-sifidi nkunu aħna t-tarki tal-familji, negozji u l-koppji f’pajjiżna,” qalet il-Ministru Dalli. 

Qalet ukoll li bħalma tħabbar fid-diskors tal-budget, fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru d-dettalji ta’ kif se jiġi indirizzati l-anomaliji li ħoloq Gvern Nazzjonalista b’Legal Notice li daħħal fl-2009.

“Qed naħdmu fuq sistema biex nassiguraw li n-nies, li l-familji tagħna, jagħmlu użu mill-allokazzjoni kollha ta’ units f’kull band. M’aħniex se nagħmlu bħall-Partit Nazzjonalista li ried itellef l-eco contribution u jgħolli l-kontijiet għan-negozji u jipperikola l-impjiegi.”

“Lin-nies inserrħilhom rashom li bħalissa għaddejjin bix-xogħol biex isir l-izvilupp u l-ittestjar neċessarju ħalli niżguraw l-aħjar implimentazzjoni possibbli kif ukoll qed isir it-tibdil neċessarju fil-famuza Legal Notice li kien daħħal Gvern Nazzjonalista.

“L-istrateġija tagħna tibqa’ dik li nippromwovu konsum bil-għaqal, skont il-pjan nazzjonali għad-dikarbonizazzjoni u sostenibilità akbar,” qalet il-Ministru Dalli.

Kien hawn fejn ħabbret li din is-sistema se tibda tapplika mill-bidu ta’ Jannar ta’ din is-sena. “Meta tibda titħaddem din is-sistema se nieħdu kalkolu tal-konsum tal-persuni mill-bidu ta’ Jannar ‘il quddiem. B’hekk il-konsumaturi jkunu jistgħu jġemmgħu l-orħos units li ma jużawx ħalli jkunu jistgħu jutilizzaw il-units kollha għad-dispożizzjoni tagħhom,” tenniet il-Ministru Dalli. 

Sport