Fil-winding up tad-diskussjoni dwar l-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar is-Saħħa, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ddikjara li l-Gvern huwa sod dwar il-Paola Hub.
“Meta l-Gvern iddeċieda li jwaqqaf il-kuntratt u fil-fatt l-Arbitru Internazzjonali qabel mal-Gvern, li aħna dak il-post ridnih attiv f’Settembru 2022 iżda dan ma wasalx… ma ridniex noqogħdu għat-talbiet mhux ġustifikati tal-kuntrattur u waqqafnielu l-kuntratt,” qal il-Ministru Abela.
Min-naħa l-oħra, huwa nnota kif is-Shadow Minister ftit tal-ġimgħat ilu ħareġ jgħid li l-Gvern għamel sew għaliex “mhux sew li l-kuntratturi jittrattawna hekk” u issa ftit tal-ġranet wara bħal donnu nbidlet id-diska u qed jgħid li dan it-taħwid beda għax il-Gvern waqqaf id-deal.
“Nistgħu jkollna front li ma jinbidilx dwar x’taħsbu fuq il-Paola Hub?”, żied jistaqsi l-Ministru Abela. Huwa kompla jgħid li wasalna fi stat ukoll fejn hemm min qed jitkaża għax qed ikun offrut is-servizz ta’ Mobile MRI Scanner fil-parkeġġ tal-Paola Hub.
“Mhux ovvja li Mobile MRI Scanner postu fil-parkeġġ? Dan huwa l-istess Mobile MRI Scanner li għamel eluf ta’ MRIs ġewwa l-parkeġġ tal-Isptar t’Għawdex. Dan huwa servizz ġdid li aħna nixtiequ nkomplu mmexxuh… MRI fil-komunità,” tenna l-Ministru Abela.
Huwa kompla billi rrefera għall-istqarrija li ħarġu l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista fejn ġie allegat li l-Gvern Laburista qiegħed jarmi s-saħħa. Hawn il-Ministru għamel elenku sħiħ ta’ dak li qed jiġi vvotat f’dan is-settur, meta mqabbel ma’ dak li kien alloka Gvern Nazzjonalista lura fl-2012.
“Fil-qasam tal-kura primarja. Dakinhar kien ġie vvotat €23 miljun… għas-sena d-dieħla €68 miljun. Għall-Isptar Mater Dei, fl-2012 kienu vvutati €141 miljun, għas-sena d-dieħla €442 miljun.
“Għall-anzjanità attiva fl-2012 kienu vvutati €14-il miljun. Għas-sena d-dieħla €162 miljun. F’San Vinċenz fl-2012 ġew ivvutati €31 miljun, għas-sena d-dieħla €136 miljun.
“Il-budget għall-Isptar t’Għawdex… fl-2012 Gvern Nazzjonalista kien alloka €19-il miljun… għas-sena d-dieħla €86 miljun. It-total tal-aħħar budget ta’ Gvern Nazzjonalista fl-2012 fis-saħħa kien €376 miljun. Għas-sena d-dieħla l-Budget hu ta’ kważi biljun u nofs ewro,” tenna jgħid il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela.
“L-Arbitru Internazzjonali jagħti raġun lill-gvern”
Sadanittant, fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ntqal li fir-rigward tad-disputa tal-gvern kontra l-kuntrattur taċ-Ċentru Ċensu Moran f’Raħal il-Ġdid, id-deċiżjoni tal-Arbitru Internazzjonali tat raġun lill-gvern.
Filwaqt li t-talba tal-kuntrattur kienet tiżboq iċ-ċifra ta’ €18-il miljun, l-Arbitru kkonferma li s-somma li effettivament fadal titħallas tammonta għal nofs miljun ewro.
“Id-deċiżjoni tal-Arbitru tagħti kredibilità lill-għaqal tal-gvern, li ttermina l-kuntratt u kkontesta bil-qawwi ċ-ċifri mitluba mill-kuntrattur. Dan fl-interess nazzjonali u f’ġieħ l-onorar tal-obbligi li saru fil-kuntratt,” ittemm tgħid l-istqarrija.