Sunday, December 22, 2024

Aktar evidenza li Stabbilta waqqfet it-tendenza ta’ żieda fil-prezzijiet

Aqra wkoll

Stħarriġ tal-Bank Ċentrali ta’ Malta jindika li l-bidu tal-iskema tal-Gvern Stabbilta kkonċidiet mal-waqfien tat-tendenza ta’ żieda fil-prezzijiet fis-settur tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut.

Il-Bank Ċentrali regolarment jikkuntattja lin-negozji biex jistaqsihom dwar l-attività tagħhom, u waħda mill-mistoqsijiet hija jekk ikunu għollewx jew raħħsux il-prezzijiet. L-aktar riżultati riċenti ta’ dan l-istħarriġ jindikaw li għall-ewwel darba mindu beda jsir dan l-istħarriġ, il-bilanċ nett tal-kumpaniji bl-ingrossa u bl-imnut li għollew il-prezzijiet kien 0%. Fit-trimestru ta’ qabel, il-bilanċ nett kien ta’ 60% tal-kumpaniji li żiedu l-prezzijiet.

Il-Bank Ċentrali jirrapporta li filwaqt li fl-aħħar kwart tal-2023 70% tal-kumpaniji bl-ingrossa u bl-imnut kienu żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ, fit-trimestru ta’ wara l-proporzjon niżel għal 23%. Il-proporzjon li rrapporta tnaqqis fil-prezzijiet żdied b’aktar mid-doppju għal 23% minn 10%, filwaqt li l-proporzjon bi prezzijiet mhux mibdula tela’ għal 54% minn 20%.

L-istudju tal-Bank Ċentrali jindika wkoll li madwar nofs tal-kumpaniji kollha ntervistati ndikaw li kienu ser jagħtu żidiet fil-pagi aktar minn 5%. Minħabba li l-inflazzjoni issa qed tonqos, l-impatt ta’ dawn iż-żidiet se jinħass b’mod aktar qawwi mill-ħaddiema.

Matul l-ewwel kwart tas-sena, kważi 60% tal-kumpaniji ddikjaraw li l-kundizzjonijiet tan-negozju tjiebu, żieda minn 52% fit-trimestru preċedenti. Is-sehem tal-kumpaniji li ddikjaraw li l-attività kummerċjali marret għall-agħar naqas għal 13 %, minn 17 % fl-aħħar kwart tal-2023.

Il-kundizzjonijiet kienu aktar pożittivi minn qabel fil-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi, iżda b’mod partikolari fis-setturi tal-manifattura u tal-bejgħ bl-ingrossa u bl-imnut. L-impriżi fis-settur tas-servizzi kellhom l-aktar sentiment pożittiv.

Barra minn hekk, kważi 40% tal-kumpaniji qallu li qed jistennew aktar titjib fl-attività tan-negozju. Tant li s-sehem tal-kumpaniji li qed jippjanaw li jinvestu aktar żdied għal 36%, minn 10% fit-trimestru preċedenti. Fl-istess ħin, nofs il-kumpaniji intervistati rrappurtaw li qed jippjanaw li jżidu l-ammont ta’ mpjiegi.

Ekonomija

Sport