Ġie inawgurat spazju rikreattiv ġdid fi Ġnien Toni Vella fil-qalba tal-lokalità tan-Naxxar. Dan l-ispazju ġie inawgurat dalgħodu mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli fil-preżenza tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar €40,000 permezz tal-iskema tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali ‘Finanzjament għall-Iżvilupp u Titjib fil-kundizzjonijiet tal-Playing Fields fil-Lokalitajiet f’Malta u f’Għawdex’. L-għan ewlieni ta’ din l-iskema huwa li l-kunsilli lokali jkomplu jsostnu l-importanza tal-isport u tar-rikreazzjoni, li huma żewġ fatturi importanti li jikkontribwixxu għal kwalità ta’ ħajja aħjar. B’dan il-proġett inħoloq spazju miftuħ għar-rikreazzjoni u post aktar sigur għat-tfal u għar-residenti ta’ din il-lokalità.
Is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli saħqet li l-kunsilli lokali jafu l-aħjar il-bżonnijiet tal-lokalitajiet rispettivi tagħhom u huwa għal dan l-għan li l-gvern qed ikompli jniedi dawn it-tip ta’ skemi sabiex jiġu implimentati mill-kunsilli lokali rispettivi. “Grazzi għal dan il-proġett ir-residenti tan-Naxxar għandhom post ieħor għar-rikreazzjoni, ftit passi ’l bogħod minn fejn jgħixu”, irrimarkat is-segretarju parlamentari. Hija faħħret ukoll l-inizjattiva u l-ħidma tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar favur dan il-proġett.
Min-naħa tagħha, is-Sindku tan-Naxxar Anne Marie Muscat Fenech Adami sostniet li grazzi għal dawn l-iskemi finanzjarji, il-kunsill lokali ngħata fondi addizzjonali li kienu neċessarji sabiex ikomplu jitwettqu diversi proġetti u inizjattivi għall-benefiċċju tar-residenti Naxxarin. Hija rreferiet għall-investimenti varji li saru fl-aħħar snin fin-Naxxar permezz ta’ dawn l-iskemi, fosthom, bandli ġdid u outdoor gym fiż-żona tas-Sgħajtar, titjib fi Ġnien il-Ħaddieda u r-restawr tal-Mitħna tal-Għaqba.
Ġie spjegat ukoll li permezz ta’ skemi maħruġa mill-gvern, il-kunsill lokali għaddej b’ħidma fuq tliet proġetti oħra ta’ spazji miftuħa li jinkludu bandli ġdid f’San Pawl tat-Tarġa, ġnien ġdid fi Triq il-Labour u ġonna oħra f’Baħar iċ-Ċagħaq.