Sunday, December 22, 2024

Aktar miżuri u għajnuniet għall-ħarsien ta’ qtates stray

Aqra wkoll

Fil-jiem li ġejjin se jidħlu fis-seħħ regolamenti għall-persuni li jitimgħu qtates stray – Cat Feeders Regulations 2024. Dan tħabbar mill-Ministru Anton Refalo, flimkien mas-Segretarji Parlamentari Alicia Bugeja Said u Alison Zerafa Civelli.

Dawn ir-regolamenti huma pass ’il quddiem biex tiġi rikonoxxuta u appoġġjata l-ħidma tal-persuni li jitimgħu lill-qtates madwar il-pajjiż. Ir-regolamenti se jistabbilixxu wkoll li jkun hemm reġistru għal persuni li jitimgħu lil dawn il-qtates li se jinżamm mill-kunsilli lokali. Dan ir-reġistru se jiġi aġġornat kull sitt xhur u jintbagħat lid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali.

Flimkien ma’ dawn ir-regolamenti ġiet varata skema ta’ vouchers sabiex ittaffi ftit mill-piż finanzjarju li jkollhom il-cat feeders. B’allokazzjoni ta’ €350,000 għal din l-iskema, se jkunu qed jitqassmu vouchers lill-cat feeders li jistgħu jissarrfu f’ikel niexef (dry food) għall-qtates minn lista ta’ fornituri approvati.

Il-Ministru Anton Refalo sostna li r-Regolamenti flimkien mal-iskema ta’ vouchers ikomplu jirriflettu l-impenn tal-gvern biex ikun hemm aktar ħarsien tal-annimali, f’dan il-każ ta’ qtates stray. “Qed nirrikonoxxu u nirregolaw il-kontribut ta’ mijiet ta’ voluntiera li jitimgħu lill-qtates stray u fl-istess waqt qed nagħtuhom għajnuna finanzjarja, permezz ta’ fondi nazzjonali, biex ikomplu jitimgħu lil dawn il-qtates. Dan ikompli juri l-impenn tagħna li nkomplu ngħinu lil min verament jagħti kontribut lis-soċjetà,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said qalet, “Din l-iskema għall-cat feeders hija pass importanti ’l quddiem biex nappoġġjaw lil dawk li jiddedikaw ħinhom u r-riżorsi tagħhom biex jieħdu ħsieb il-qtates stray. Permezz ta’ dawn il-vouchers qed niżguraw ukoll li dawn l-annimali jirċievu n-nutrizzjoni li għandhom bżonn u fl-istess waqt intaffu ftit mill-piżijiet finanzjarji ta’ min jitmagħhom. Ħa nkomplu naħdmu biex niżguraw li kull annimal ikollu trattament xieraq u aktar drittijiet kif mistħoqq.”

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli stqarret li huwa ta’ sodisfazzjon li tara li l-kunsilli lokali qed jagħtu s-sehem tagħhom fil-kura tal-qtates li jgħixu fit-toroq u l-ispazji miftuħa fil-lokalitajiet. Hija ħeġġet għal koperazzjoni bejn il-cat feeders u l-kunsilli lokali favur l-interess tal-qtates stray.

Ir-reġistrazzjoni tal-cat feeders tista’ ssir fil-Kunsilli Lokali f’Malta u Għawdex sal-aħħar ta’ Lulju 2024.

Ekonomija

Sport