Thursday, December 26, 2024

Gafà rebaħ 93% tal-kawżi li mexxa

Aqra wkoll

L-istatistika turi li minn 730 każ li l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizja kellu fil-Qorti 7% biss ġew illiberati

L-istatistika dwar il-każijiet li mexxa fil-Qorti l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija Angelo Gafà turi li f’93% tal-każijiet li fihom mexxa l-prosekuzzjoni irnexxielu jipprova l-każ.

Inewsmalta tinsab infurmata li fid-disa’ snin li ħadem bħala spettur fl-Iskwadra Kontra r-Reati Ekonomiċi huwa kien fdat b’1,105 każ. 

Minn dawn 881 każ spiċċaw fil-Qorti b’730 każ deċiżi s’issa li minnhom kienu biss 51 biss, jew 7%, fejn l-akkużati ħarġu lliberati.

Jekk wieħed iqis li 21 mill-każijiet wirithom mingħand spetturi oħra wara li dawn spiċċaw mill-Korp u l-fatt li 41% kienu każijiet mhux investigati minnu, in-numru ta’ każijiet li mexxa mill-bidu sal-aħħar u ma rebaħx jinżlu għal 4%.

Dan jikkontradixxi rapporti li dehru dwaru ntiżi biex iqajjmu dubji dwar il-kapaċitajiet tiegħu li jservi bħala Kummissarju tal-Pulizija.

Gafà nħatar uffiċjalment il-kap tal-Pulizija t-Tlieta wara li fil-jum ta’ qabel il-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi approva n-nomina tiegħu.

Kienu biss il-membri parlamentari tal-Gvern li ħadu sehem fis-sessjoni ta’ mistoqsija u tweġiba wara li l-Oppożizzjoni bbojkottjat il-proċess tas-sejħa pubblika.

Din kienet l-ewwel darba li l-Kummissarju tal-Pulizija nħatar wara sejħa pubblika, proċess li attira 14-il persuna fosthom pulizija u avukati.

Wara li ma ħaditx sehem fl-imsemmija sessjoni parlamentari, l-Oppożizzjoni ħarġet tikkritika lin-naħa tal-Gvern li ma staqsitx dak li riedet tkun taf.

Gafà, li għandu 41 sena, ilu membru fil-Korp sa mill-2003 u serva bħala spettur mis-sena ta’ wara.

Huwa dam fil-kariga sa Ġunju 2013 meta ntbagħat fis-Servizz Sigriet fejn dam iservi bħala l-assistent kap sa Diċembru 2016.

Wara sejħa pubblika, fl-istess xahar huwa nħatar Kap Eżekuttiv tal-Pulizija, liema kariga kien għadu jokkupa sa ftit tal-jiem ilu.

Qabel ma daħal fil-Korp serva fil-Forzi Armati. Fiż-żewġ korpi dixxiplinati huwa kien ikklassifika l-ewwel fl-eżami tad-dħul.

Gafà għandu Baċellerat fil-Kummerċ fl-Immaniġġjar tas-Settur Privat u Pubbliku mill-Università ta’ Malta kif ukoll żewġ Masters, waħda fil-Public Policy mill-istess università u oħra dwar Security and Risk Management mill-Universita ta’ Leicester.

Huwa wkoll lekċerer fid-Dipartiment tal-Kriminoloġija fi ħdan il-Fakultà tas-Social Wellbeing tal-Università ta’ Malta.

L-iktar 10 dikjarazzjonijiet ta’ nota waqt is-smigħ

Waqt is-smigħ quddiem il-Kumitat għall-Ħatriet Pubbliċi huwa għamel diversi stqarrijiet marbuta mal-viżjoni tiegħu għall-Korp. Dawn li ġejjin huma 10 fost l-iktar li spikkaw.

  • “Nixtieq insaħħaħ il-fiduċja tan-nies fil-Korp għax is-suċċess ma jiddependix biss mill-membri tiegħu”;
  • “Il-Pulizija mhux biss trid issolvi r-reati imma trid tevita l-kriminalita u dan jista’ jsir biss jekk il-poplu jkun ‘partner’ magħna”;
  • “Qatt ħadd ma ndenja jinterferixxi fix-xogħol tiegħi. U mhux se nittollerah”;
  • “Mhu se nħares lejn wiċċ ħadd u la dan il-messaġġ tibgħatu mill-ewwel ħadd mhu se jazzarda jħabbatlek il-bieb”;
  • “Qatt ma ħriġt informazzjoni u jiddispjaċini nara ħruġ ta’ informazzjoni minn taħt. Se nara li dan jonqos u fl-istess waqt ikun hemm aktar komunikazzjoni mal-media”;
  • “Hemm differenza bejn l-‘intelligence’ miġbura u l-evidenza għax biex tressaq każ fil-Qorti jrid ikollok il-provi”;
  • “Il-Pulizija trid tinvestiga kull allegazzjoni. Allaħares nistennew xi politiku biex ninvestigaw”;
  • “Hemm ċertu nuqqasijiet fil-Korp u dan għax hemm ċertu regoli li mhux bil-kitba. U l-enfasi trid tkun fuq ‘policies’ ċari”;
  • “Il-każ tal-pulizija tat-traffiku? Kont ilni niġbed l-attenzjoni, mhux biss dwar dan il-każ, imma l-pariri tiegħu ma ntlaqgħux”
  • “Irrid pulizija li jkunu kapaċi javvanzaw fil-karriera, ma rridx nitqanna b’ċertu nies 25 sena mentri jitilqu l-aħjar”.
Ekonomija

Sport