Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina allega fil-Parlament li l-Prim Ministru Robert Abela kien stiednu għall-ġlied.
Aquilna allega li l-Prim Ministru qallu tliet darbiet il-kliem “oħroġ barra ħa nurik.” Qal li huwa jirrifjuta li jidħol fi kwalunkwe ġlieda ma’ xi ħadd u m’għandu l-ebda intenzjoni li jiġġieled ma’ ħadd.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia wieġbu li kien qiegħed jaqra ruling u ma semax dak id-diskors iżda li kieku ġibidlu l-attenzjoni kif spiċċa mill-ewwel kien jieħu passi.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela ċaħad b’mod kategoriku l-allegazzjonijiet infantili “tal-Kap de facto tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż.”
Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li huwa tassew inkredibbli kif “il-fergħa estremista li qed tmexxi l-Partit Nazzjonalista tibqa’ teċċella fil-kreattività tal-gideb u l-kalunji.”
“Filwaqt li l-Oppożizzjoni tinżel fl-agħar livelli, il-Gvern jibqa’ ffukat fuq il-prijoritajiet tan-nies,” qal il-PL.