Friday, January 21, 2022

ARA: Rekord nazzjonali tal-akbar presepju li sar fuq ġewwa

Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Jekk hemm tradizzjoni li bosta persuni jaqblu li l-aktar li tissimbolizza l-ispirtu vera tal-Milied huwa proprju l-presepju li fih innifsu huwa lezzjoni tad-duttrina.

Il-presepju huwa bħal donnu ritratt tal-ġrajja tal-Milied u għalhekk hemm ħafna x’titgħallem minnu. F’dan l-isfond huwa importanti mhux biss għax nieħdu gost narawh b’għajnejna, iżda aktar minn hekk jagħmel sens li l-affarijiet jinżlu f’qalbna.

Fi trejqa ftit ‘il bogħod mill-knisja tan-Nadur ġewwa Għawdex, eżattament ġewwa l-Mużew tas-Subien, għadu kemm ġie stabbilit rekord nazzjonali – dak tal-akbar presepju li sar fuq ġewwa li ġie rreġistrat mal-Malta Records.

Dan il-presepju għandu fond ta’ 13-il pied, għoli ta’ 14-il pied u wiesgħa 11-il pied.

Minkejja li l-presepju mhux miftuħ għall-pubbliku, anke minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija, żgur u mhux forsi se jkun ammirat minn dawk it-tfal li jattendu l-mużew.

Il-presepju ġie mbierek biex kull min iżuru isir aktar ferħan u ħbieb ma’ Ġesù.

Il-Ministru għall-Għawdex Clint Camilleri żar dan il-presepju fil-lejla li ġie stabbilit dan ir-rekord.

F’kummenti ma’ dan is-sit, il-Ministru qal li dan huwa wieħed mill-ħafna esebizzjonijiet u attivitajiet li proprju qed jittellgħu ġewwa l-gżira Għawdxija matul dawn iż-żminijiet ta’ festi. Semma kif dawn l-attivitajiet mhux biss huma importanti għan-nies tal-lokal iżda dawn iservu wkoll bħala attrazzjoni għal dawk kollha li jżuru Għawdex f’dawn iż-żminijiet, b’mod speċjali għall-Maltin stess kif ukoll għat-turisti.

Talk.mt kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ maż-żewġ persuni ħabbrieka li ħadmu fuq dan il-presepju.

L-artist James Azzopardi Goodol spjega kif bdew jaħdmu fuq dan il-presepju minn Ottubru li għadda u għalih użaw il-materjal tal-kartapesta u kartun. L-għalliem u l-kunsillier Jean Paul Portelli nnota kif l-użu tal-kartapesta sfortunatament ma tantx għadu jintuża għax qed jintużaw materjal ieħor iżda rrikonoxxa l-fatt li l-kartapesta hija xi ħaġa antika u Maltija u għalhekk għażlu li jużawha. Iż-żewġ persuni ħadmu qatigħ biex jinbena dan il-presepju u t-tnejn irrikonoxxew il-fatt li għamluh tassew mill-qalb għax fi kliemhom, Milied mingħajr presepju ma jfisser xejn speċjalment għall-qasam tal-Mużew, il-post fejn tiġi mgħallma d-duttrina.

Xi ħaġa simbolika ta’ dan il-presepju huwa marbut mal-fatt li dan qed isir b’dedika ta’ Tonio Grech li sfortunatament tilef ħajtu iżda żgur li l-memorja tiegħu tibqa’ għal dejjem. Għal 26 sena huwa kellu f’idejh il-presepju ta’ dan il-qasam. Il-ħsieb warajh kien dejjem lii jnissel fit-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu f’dan il-post imħabba lejn il-presepju u li jirraffigura t-twelid tal-Messija – l-Iben t’Alla l jsir Bniedem.

San Ġorġ Preca, il-fundatur tas-Soċjetà tal-Mużew, kien jagħmel presepju fid-dar tiegħu u kien irid li kull tifel u żagħżugħ li jattendi l-oqsma tal-Museum jingħata rigal marbut ma’ din il-ġrajja unika fl-istorja tal-umanità.

Sport