Il-Ministeru għall-Mobilità Sostenibbli qed isegwi mill-viċin inċident li jinvolvi tanker taż-żejt bl-isem M/T KAVOMALEAS, li jtajjar il-bandiera Maltija, wara li dan kien fil-mira ta’ attakk waqt li kien qed ibaħħar qrib il-kosta tal-Oman.
Skont l-informazzjoni li għandhom f’idejhom l-awtoritajiet Maltin bħalissa, it-23 membru tal-ekwipaġġ ġew salvati kollha mill-awtoritajiet tal-Oman u ma ġew rrappurtati l-ebda midruba jew mejta. Il-Ministeru jinsab f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet ikkonċernati kif ukoll mal-management u r-rappreżentanti tal-bastiment filwaqt li s-sitwazzjoni qed tkompli tiżviluppa.
Id-Direttorat tal-Bastimenti Merkantili, flimkien maċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni tas-Salvataġġ ta’ Malta (RCC Malta), ilhom impenjati b’mod attiv mill-ewwel notifika tal-inċident, u żammew komunikazzjoni kontinwa mal-management u mal-awtoritajiet kompetenti li qed jikkoordinaw ir-rispons.
Il-Ministru għall-Mobilità Sostenibbli, Chris Bonett, laqa’ b’sodisfazzjon il-konferma li l-membri kollha tal-ekwipaġġ inġiebu lejn il-kosta qawwijin u sħaħ, u wera l-apprezzament tiegħu lejn l-awtoritajiet tal-Oman għar-rispons rapidu u professjonali tagħhom. “Is-sigurtà tal-baħħara tibqa’ l-ogħla prijorità tagħna. Huwa ta’ serħan il-moħħ li l-membri kollha tal-ekwipaġġ ġew salvati b’suċċess u ninsabu grati lejn l-awtoritajiet tal-Oman għall-assistenza immedjata tagħhom. Malta se tkompli taqdi r-responsabbiltajiet tagħha bħala bandiera ewlenija ta’ kwalità billi tkompli ssegwi dan l-inċident mill-qrib filwaqt li tikkopera mal-awtoritajiet internazzjonali rilevanti kollha.”
Il-Ministeru jtenni l-impenn ta’ Malta favur is-sikurezza u s-sigurtà tan-navigazzjoni internazzjonali u l-protezzjoni ta’ dawk kollha li jservu fuq il-baħar u se jkompli jsegwi l-iżviluppi mill-viċin filwaqt li jipprovdi kull għajnuna meħtieġa bħala Stat responsabbli.
