Saturday, December 21, 2024

Bejn l-2020 u Ottubru 2024… Nefqa ta’ aktar minn €42 miljun f’inkjesti Maġisterjali fil-kamp kriminali

Aqra wkoll

Mill-2020 sat-30 ta’ Ottubru ta’ din is-sena, il-Gvern nefaq aktar minn 42 miljun ewro f’inkjesti Maġisterjali fil-kamp tal-kriminal.

Dan qalu fil-Parlament il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Jonathan Attard waqt li kien qiegħed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott.

Il-Ministru fir-rendikont li ta qal li fis-sena 2020 in-nefqa fl-inkjesti Maġisterjali fil-kamp kriminal kienet ta’ 9,721,814 ewro filwaqt li s-sena ta’ wara l-ammont kien ftit inqas meta ntefqu 9,316,651 ewro.

Imbagħad fl-2022 in-nefqa kienet ta’ 8,976,706 ewro filwaqt li fl-2023 intefqu 8,907,414 ewro.

Minn Jannar ta’ din is-sena sat-30 ta’ Ottubru l-Gvern kien diġà nefaq 5,570,145 ewro kollha fuq inkjesti Maġisterjali fil-kamp tal-Kriminal. Dan kollu jammonta għal 42,392,730 ewro.

Fl-istess tweġiba, il-Ministru Attard qal li fl-aħħar ħames snin ġew konklużi mijiet ta’ inkjesti fejn din is-sena biss sat-30 ta’ Ottubru kienu tlestew 656 fil-Qrati ta’ Malta u 35 fil-Qorti ta’ Għawdex.

Fir-rendikont li ta l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni qal li fl-2020 fil-Qorti ta’ Malta kienu ġew konklużi 1,113-il inkjesta filwaqt li f’Għawdex ingħalqu 23. Fl-2021 f’Malta ngħalqu 874 inkjesta fil-kamp kriminali filwaqt li f’Għawdex ingħalqu 40.

Imbgħad is-sena li għaddiet fil-Qrati ta’ Malta tlestew 715-il inkjesta filwaqt li f’Għawdex tlestew 52 waħda.

Ekonomija

Sport