Friday, May 9, 2025

Biex tagħmel karriera ta’ suċċess, trid taħdem, tkun dedikat ħafna u tagħmel ħafna sagrifiċċji – Josef ‘Cece’ Borg

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ovvjament bis-saħħa ta’ missieri li dak iż-żmien kien fil-kumitat tas-Siġġiewi fejn anke serva lis-Siġġiewi bħala president tal-klabb għal żmien qasir. Dak iż-żmien kien għad kelli ftit snin bidu tas-snin 90. Qisu ta’ 4/5 snin kont immur dejjem miegħu Pace Grasso naraw lis-Siġġiewi jilagħbu, imbagħad kienet fetħet in-nursury tas-Siġġiewi fejn hemm dħalt magħhom biex nibda nilgħab. Wara li għamilt sa l-Under 12, kienu gew in-nursery tal-Hibernians għalija u kont bdejt nittrenja magħhom. Sfortunatament kelli nieqaf minn hemm minħabba impenji tax-xogħol ta’ missieri għax ma kienx seta’ jibqa’ jeħodni u ommi ma ssuqx. Minn hemm erġajt mort mas-Siġġiewi u ta’ 13-il sena kont mort ma’ Valletta FC fejn wara ftit xhur ukoll kelli nieqaf minn magħhom peró din id-darba għax Siġġiewi riduni għall-Under 14 u l-Under 16. Minn hemm imbagħad iddebuttajt mat-tim tal-kbar meta kelli 16-il sena, u dak iż-żmien kont nilgħab Under 16, Minors u dak iż-żmien kien hawn it-tim tar-reserves ukoll u kont nilgħab magħhom ukoll. Niftakar l-aħħar sena tiegħi Minors kont captain ukoll, meta spiċċajt mill-minors ovvjament komplejt mal-kbar fejn dik is-sena li ħadna l-promozzjoni mit-Tielet diviżjoni għat-Tieni Diviżjoni waqaft f’nofs staġun. Minn hemm imbagħad mort ma’ Mtarfa u Qrendi u wara dawk iddeċidejt li mmur nilgħab fil-IASC u l-MAFA. Dħalt fil-kumitat ta’ Siġġiewi fl-istaġun 18/19 u mill-istaġun 19/20 bdejt bħala team manager magħhom fejn hemm konna ninsabu fit-tielet post, kellna ċans kbira li niskbu l-promozzjoni iżda l-kampjonat kellu jieqaf minħabba l-Covid-19. Fl-istaġun 20/21 spiccajna fit-tieni post, peró ma ksibniex il-promozzjoni għax tim wieħed biss kien jitla’ Fl-istaġun 21/22 mort ma’ Msida SJ u dhalna fil-play-offs. Fl-istaġun 22/23 Msida rbaħna l-promozzjoni għaċ-Challenge League. Fl-istaġun 23/24 mort ma’ Pietá Hotspurs FC fiċ-Challenge League fejn hemm spiċċajna fir-raba’ post. Fl-istaġun 24/25 mort ma’ Luqa SA fejn spiċċajna fil-ħames post u l-Minors ksibna l-promozzjoni.

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek bħala team manager ta’ Luqa SA.

Wara li ksibt il-promozzjoni fl-Amateur League mort fiċ-Challenge League ma’ Pietá Hotspurs FC fejn il-livell huwa literalment differenti ħafna bejn dawn iż-żewġ diviżjonijiet. Mort ma’ Luqa SA, fejn kelli anke offerti oħrajn miċ-Challenge League, iżda erġajt għażilt li nerġa’ naħdem mal-kowċ Neville Galea fejn ma’ Msida konna ħadna din il-promozzjoni flimkien. L-esperjenza tiegħi ma’ Luqa SA ma kinitx daqshekk faċli għaliex kienu għadhom kif ġejjin minn relegazzjoni u relegazzjoni ġġib magħha tibdil kbir f’kull pożizzjoni. Fil-fatt meta mort hemm kellna nibnu skwadra ġdida għax kien fadal xi erba’ plejers mill-istaġun ta’ qabel.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?

Bħala staġun bdejna tajjeb ħafna u konna magħqudin ħafna peró konna sfortunati b’injuries tal-plejers barranin fejn hemmhekk tlifna ħafna punti meta ma kellniex lilhom fl-azzjoni. Nemmen li kieku ma ġarax hekk konna nkunu sfidanti sew. Nemmen ukoll illi l-logħba li ġejna draw ma’ Birzebbugia SP fejn skurjawlna żewġ gowls fl-aħħar żewġ minuti wara li r-referee ta għaxar minuti żejda bħala ħin, li kieku rbaħniha, naħseb li kienet tkun storja differenti.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Nemmen li qabel il-livell kien għoli iktar milli hu llum. Niftakar anke l-Malta Premier fis-snin 90 u 2000 kien ta’ livell għoli ħafna. Illum anke l-plejers barranin li qed jiġu jilagħbu f’pajjiżna m’humiex ta’ livell. Mhux kollha imma jiġu ħafna barranin li m’mhumiex ta’ livell.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn il-plejers tagħna jitħarrġu u jilagħbu l-logħob kompetittiv tagħhom?

Sfortunatament, fadlilna xi ntejbu ħafna f’dan l-aspett. Ħafna plejers qed isofru ħafna injuries minħabba dan l-aspett.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Jien nemmen li fil-ħajja trid titla’ tarġa tarġa u ma tgħaġġilx fid-deċiżjonijiet tiegħek. Jien qed inħares lejn il-futur tiegħi l-istess tarġa tarġa, peró, fl-aħħar mil-aħħar li nkun nimmilita fil-Malta Premier. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tagħmel karriera ta’ suċċess, trid taħdem, tkun dedikat ħafna u tagħmel ħafna sagrifiċċji.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport