Friday, December 27, 2024

Chris Fearne jitlob għall-protezzjoni tas-Sedja

Aqra wkoll

L-eks Deputat Prim Ministru u eks Ministru Chris Fearne talab għall-protezzjoni tas-Sedja wara li ġie żvelat li fix-xhur li għaddew allegatament kien qed jinħema frame up fuqu bl-aktar mod malinn u infami.

Huwa rrefera għal tliet artikli li dehru fil-midja internazzjonali u fil-midja Maltija fil-ġranet li għaddew u anke poġġiehom fuq il-mejda tal-Kamra, li juru b’mod dettaljat u msaħħaħ b’evidenza ċara kif dan l-allegat frame up kien qed jinħema dwaru.

Frame up li qal li sewa aktar minn €6 miljun u kien maħluq permezz ta’ stejjer kompletament ivvintati dwaru. Fakkar kif meta ħarġu dawn l-allegazzjonijiet foloz kien talab lill-pulizija tinvestiga kemm lilu kif ukoll is-sors ta’ dawn l-istejjer.

Wara investigazzjoni intensiva l-Kummissarju tal-Pulizija infurmah bil-miktub li l-istejjer kienu totalment foloz u li fuqu ma kien hemm l-ebda dell ta’ ħtija. Madankollu sa dakinhar ma kienx irnexxielhom isibu min kien li wettaq dan il-frame up maħmuġ.

“Erġajt tlabt lill-Kummisarju biex fid-dawl ta’ din l-evidenza ġdida u ċara jkompli jinvestiga s-sors ta’ dan il-frame up. Tlabt li jiġi investigat kemm is-sors li diġà hemm indikazzjoni ċara min hu kif ukoll hemmx xi id oħra moħbija. Tlabt ukoll jittieħdu passi kollha skont il-liġi kontra min jiġi kkonfermat li wettqu,” żied jgħid Fearne.

Tenna li dan l-attakk kordinat u malinn ma sarx biss kontrih bħala ċittaidn imma sar kontra tiegħu bħala rappreżentant tal-poplu, membru tal-Kabinett u Deputat Prim Ministru. “L-għan kien wieħed li nieqaf milli naqdi dmirijieti u jeliminawni politikament,” qal Fearne.

Kien għalhekk li fid-dawl ta’ dak żvelat talab għall-protezzjoni tas-Sedja. Huwa talab lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti sabiex jiżgura li bħala deputat ma jinżammx mill-qadi ta’ dmirijietu lejn il-poplu li eleġġieh u lejn l-Istat Malti.

“Fl-aħħar nett nitolbok tieħu passi jidhrilek xierqa biex familti u jien niġu mħarsa mill-periklu. Min kien lest jonfoq aktar minn €6 miljun biex jeliminani politikament bi frame up mhux se jiddejjaq jagħmel agħar minn hekk,” temm jgħid Fearne.

Ekonomija

Sport