Thursday, March 28, 2024

Cyrus Engerer magħżul għall-COP26 minn fost il-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer ġie magħżul minn fost il-Membri tal-Parlament Ewropew fid-delegazzjoni ta’ politiċi għall-ikbar avveniment globali favur l-ambjent u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, COP26 ġewwa Glasgow fl-Iskozja.

“Ix-xogħol iebes li qegħdin nagħmlu mill-uffiċċju tiegħi fuq l-ambjent u l-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea qiegħed iħalli l-frott u dan qiegħed jiġi rikonnoxxut mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi, kif ukoll mit-tmexxija tal-Parlament Ewropew”, qal Cyrus Engerer filwaqt li saħaq li hu ta’ privileġġ għalih li se jkun qiegħed jipparteċipa fil-konferenza tan-Nazzjonijiet Maqgħuda COP26 fid-delegazzjoi tal-Parlament Ewropew.

Il-COP hi l-konferenza li ġġib lill-mexxejja kollha ta’ madwar id-dinja flimkien f’diskussjonijiet  u negozjati dwar il-miżuri ambjentali li d-dinja għandha bżonn tieħu bħala parti mill-ġlieda essenzjali kontra t-tibdil fil-klima.

“Bħala Unjoni Ewropea rridu nassiguraw li l-ambizzjoni b’saħħitha tagħna tasal għand ħaddieħor.  Ma għadux iż-żmien ta’ disussjonijiet.  Dan hu ż-żmien għal azzjoni konkreta dinjija u urġenti biex innaqqsu l-impatt negattiv tal-ħsara li għamilna bħala bnedmin matul l-aħħar diċenji.  Il-miri li għandna quddiemna għall-2030 u l-2050 mhumiex għażla u issa rridu naraw li kull Stat Membru jimplimentahom u fl-istess waqt nassiguraw li aktar pajjiżi minn madwar id-dinja jingħaqdu magħna għall-ogħla ambizzjonijiet possibli,” saħaq Engerer.

Engerer ikkonkluda billi qal li bħala Nazzjonijiet Maqgħuda rridu nassiguraw li ħadd ma jaqa’ lura f’din il-mixja l-ħadra tagħna u li din il-mixja għandha tkun waħda ġusta – fejn dawk il-familji u negozji li ma jifilħux ma jkollhomx għalfejn jerfgħu il-piż finanzjarju ta’ din it-transizzjoni.

Ekonomija

Sport