‘Dan il-premju mhux biss jagħtik ġieħ, iżda jikkonsolidak … għandi 86 sena u għadni nħossni utli’ – Ġorġ Peresso

Aqra wkoll

Ix-xandar, kittieb u ħassieb Ġorġ Peresso, li llum għandu 86 sena, ġie onorat bil-Premju Anzjanità Attiva 2026, l-ogħla rikonoxximent mogħti waqt ċerimonja organizzata minn Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità.

Premju li għalih ifisser ħafna aktar minn sempliċi unur personali, għaliex, kif spjega hu stess, ifakkru li minkejja l-età għadu membru attiv tas-soċjetà, kapaċi jaħseb, jikteb, jirrifletti u jagħti kontribut lill-komunità.

F’intervista ma’ dan il-ġurnal, Peresso tkellem b’emozzjoni dwar dan ir-rikonoxximent, il-karriera twila tiegħu fix-xandir, l-importanza tal-ħsieb u l-kitba, kif ukoll dwar il-ħtieġa li l-bniedem qatt ma jsir indifferenti għall-problemi u t-tbatijiet ta’ madwaru.

“Ma rridx ngħid li ma stennejtux, imma ħaġa bħal din tatni unur kbir. Irrealizzajt li meta tiġi onorat minn organizzazzjoni bħal din, tkun xi ħaġa sabiħa u kbira ħafna. Il-kitba, ix-xandir u l-ħsieb dejjem kienu parti minn ħajti u verament ħadt pjaċir b’dan il-premju,” qal Peresso.

Il-Premju Anzjanità Attiva għandu l-għan li jirrikonoxxi individwi, organizzazzjonijiet u inizjattivi li jippromwovu l-parteċipazzjoni attiva tal-anzjani fis-soċjetà. Din is-sena kien hemm 54 nominazzjoni mqassma f’sitt kategoriji, filwaqt li l-programm tal-attivitajiet fetaħ b’EXPO ta’ jumejn li inkludiet wirja ta’ xogħlijiet tal-artiġjanat maħduma mill-membri taċ-Ċentri għall-Anzjanità Attiva.

Għalkemm Peresso ma setax jattendi għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-premjijiet, huwa kellu l-opportunità jiltaqa’ mat-tabib Michael Farrugia, Kap Eżekuttiv ta’ Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fl-istudios ta’ Radju Malta, post li miegħu għandu rabta speċjali.

Meta staqsejnieh x’emozzjoni ħass meta sar jaf li kien rebaħ dan il-premju, Peresso spjega li r-rikonoxximent wasslu biex iħares lura lejn dak kollu li wettaq tul ħajtu.

“Jiena nqis li l-premju, aktar milli jippremjak, iġibek konxju ta’ dak li tkun għamilt u li forsi lanqas tkun tajtu kas. Ħafna affarijiet isiru naturali, parti mill-ħajja tiegħek, u mbagħad jasal mument meta xi ħadd jirrikonoxxihom.”

Huwa sostna li dan it-tip ta’ rikonoxximent għandu valur partikolari għall-persuni anzjani, għaliex jagħtihom sens ta’ appartenenza u jfakkarhom li l-kontribut tagħhom għadu apprezzat.

Waħda mill-aktar riflessjonijiet sinjifikanti li għamel Peresso kienet dwar l-importanza li l-anzjani jibqgħu jħossuhom utli, anke meta jibdew jiltaqgħu ma’ ċerti diffikultajiet marbuta mal-età.

“Għandi 86 sena u ma narax sewwa. Hemm nies li jgħinuni u jiena rikonoxxenti ħafna lejhom. Imma dan il-premju jagħtik sens ta’ utilità. Ipoġġik f’pożizzjoni fejn ma tibqax tħossok indifferenti jew maqtugħ mis-soċjetà.”

Peresso ammetta li l-għajnuna ta’ dawk ta’ madwaru saret importanti fil-ħajja tiegħu, iżda fl-istess ħin insista li l-limitazzjonijiet fiżiċi m’għandhomx ifissru t-tmiem tal-parteċipazzjoni tal-bniedem fil-ħajja ta’ kuljum.

“Għandi 86 sena, imma nħoss li għadni utli. Kieku nintelaq, ikun mod ieħor. Dan il-premju mhux biss jagħtik ġieħ, iżda jikkonsolidak. Qed inħossni li għadni għaddej.”

Għalih, l-anzjanità attiva mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ attività fiżika jew ta’ parteċipazzjoni f’avvenimenti soċjali, iżda tinkludi wkoll l-attività mentali, il-kreattività u l-interess kontinwu f’dak li jkun qed iseħħ fid-dinja.

Ġorġ Peresso huwa wieħed mill-ilħna magħrufa fix-xandir Malti, b’karriera li matulha akkumpanja ġenerazzjonijiet ta’ semmiegħa permezz tal-istazzjonijiet nazzjonali.

Eks kap ta’ Radju Malta, huwa ħoloq u ppreżenta għadd kbir ta’ programmi li ħallew marka fil-qasam kulturali u soċjali.

L-imħabba tiegħu għax-xandir bdiet minn età żgħira, tant li huwa stess jiddeskrivi ruħu bħala prodott tal-ewwel snin tar-radju f’Malta.

“Minn mindu kont żgħir kont inħobb ix-xandir. Jiena dejjem ngħid li jien iben ir-Rediffusion.”

Fost ix-xogħlijiet li għadhom għal qalbu hemm il-kummentarji marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira, li fihom dejjem fittex li jwassal mhux biss informazzjoni dwar it-tradizzjonijiet, iżda wkoll riflessjoni aktar profonda.

“Jien fassalt il-Ġimgħa l-Kbira mhux sempliċement madwar il-vari u min ħadimhom. Jien kont inħares lil hinn mill-kartapesta.”

Din il-filosofija tidher ukoll fil-mod kif Peresso jħares lejn il-kitba. Għalih, il-ħsieb huwa l-qofol tal-identità tiegħu.

“Jien kieku kelli nfisser lili nnifsi, infisser lili nnifsi bħala poeta, għax il-ħsieb huwa dak li jagħmilni dak li jien.”

Minkejja l-età, Peresso għadu attiv fil-qasam letterarju u dan l-aħħar ippubblika l-ktieb Suspended Thoughts, xhieda oħra tax-xewqa tiegħu li jkompli jesprimi l-ideat u r-riflessjonijiet tiegħu.

Matul l-intervista, Peresso ma llimitax ruħu biex jitkellem dwar il-premju jew il-karriera tiegħu. Huwa rrifletta wkoll dwar is-soċjetà tal-lum, il-ġlied, in-nuqqas ta’ mħabba u l-inġustizzji li għadhom jolqtu lil ħafna nies.

“Ma nħossnix indifferenti. Nagħti kas ta’ dak li qed jiġri madwari. Hemm nuqqas ta’ mħabba, hemm ġlied u hemm inġustizzji. Dan kollu jġiegħlni nirrifletti.”

Huwa spjega li l-esperjenzi tal-ħajja komplew saħħew fih ir-rispett lejn il-persuni l-oħra, partikolarment dawk li jkunu għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli.

“Ma rridx ngħid li ħajti issa għamiltha u daqshekk. Ma rridx inkun indifferenti għal dawk

li qed ibatu.”

Peresso ddeskriva wkoll dak li sejjaħlu sens ta’ rabja moderata, li għalih mhijiex rabja distruttiva, iżda reazzjoni morali kontra dak li jqis bħala inġustizzja.

“Għandi rabja moderata li ma tħallinix indifferenti. Ma rridx inkun reliġjuż, imma hija r-rabja li kellu Kristu meta ħadha kontra dawk li għamlu l-inġustizzja.”

Din ir-riflessjoni turi kif, minkejja s-snin, Peresso għadu jemmen li kull persuna għandha responsabbiltà li tagħti kas ta’ dak li jkun qed iseħħ madwarha u ma tagħlaqx għajnejha quddiem it-tbatija tal-oħrajn.

Meta tkellem dwar il-kunċett tal-anzjanità attiva, Peresso enfasizza li l-bniedem għandu jibqa’ jfittex skop fil-ħajja, anke meta jasal f’età avvanzata.

“Kultant ngħid li issa se nistrieħ, imma moħħok ma jħallikx tistrieħ. Anzi, moħħok jgħinek biex iżżomm ruħek attiv. Din hija l-anzjanità attiva, li inti tkun preżenti fil-ħajja

ta’ kuljum.”

Huwa esprima wkoll l-apprezzament tiegħu lejn dawk kollha li ħolqu u komplew jiżviluppaw dan il-premju, fosthom l-entitajiet governattivi u dawk responsabbli mill-qasam tal-anzjanità.

Għal Peresso, l-akbar sodisfazzjon ma jinsabx biss fil-fatt li ngħata premju prestiġjuż, iżda fir-rikonoxximent li l-ħajja tiegħu, mimlija esperjenzi fix-xandir, fil-letteratura u fil-ħsieb, għadha tagħmel sens u għandha valur għall-oħrajn.

Il-messaġġ li joħroġ minn din l-intervista huwa wieħed ċar: l-età m’għandhiex tkun ostaklu għall-kreattività, għall-parteċipazzjoni u għall-impenn soċjali.

U forsi l-aqwa mod kif wieħed jiġbor il-filosofija ta’ Ġorġ Peresso huwa proprju permezz tal-kliem tiegħu stess:

“Dan il-premju mhux biss jagħtik ġieħ, iżda jikkonsolidak. Għandi 86 sena u għadni nħossni utli.”

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport