L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

Aqra wkoll

L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, iltaqa’ ma’ tliet ambaxxaturi li għadhom kif ippreżentaw il-kredenzjali tagħhom lill-Eċċellenza tagħha, il-President tar-Repubblika ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono, f’laqgħat ta’ korteżija li saru l-Erbgħa filgħaxija fil-Parlament.

L-Ispeaker iltaqa’ l-ewwel mal-Ambaxxatur tal-Guatemala, l-Eċċellenza Tiegħu Santiago Palomo Vila, fejn ġew diskussi r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Guatemala u l-possibbiltajiet li dawn jissaħħu permezz ta’ aktar kollaborazzjoni f’oqsma ta’ interess komuni.

Matul il-laqgħa ġiet enfasizzata l-importanza li ż-żewġ pajjiżi jesploraw opportunitajiet ta’ kooperazzjoni f’diversi oqsma. Iż-żewġ naħat irrikonoxxew ukoll il-potenzjal għal aktar kuntatti bejn il-komunitajiet kummerċjali u l-istituzzjonijiet edukattivi rispettivi.

L-Ispeaker saħaq ukoll fuq l-importanza tal-multilateraliżmu, ir-rispett lejn id-dritt internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli, filwaqt li rrikonoxxa l-Guatemala bħala sieħeb kostruttiv fi ħdan il-Ġnus Magħquda.

Fit-tieni laqgħa, l-Ispeaker iltaqa’ mal-Ambaxxatriċi tal-Libanu għal Malta, l-Eċċellenza Tagħha Carla Jazzar. Matul din il-laqgħa ġew diskussi r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi, li ilhom stabbiliti mill-1975, u l-ħtieġa li dawn ikomplu jissaħħu f’diversi oqsma.

L-Ispeaker enfasizza l-importanza tar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ parlamenti u esprima x-xewqa li jkun hemm aktar kuntatti u skambji bejn il-Kamra tad-Deputati Maltija u l-Parlament Lebaniż, inkluż permezz tal-kumitati parlamentari. Ġie nnutat li d-diplomazija parlamentari tista’ sservi bħala mezz importanti biex jiġu diskussi sfidi komuni li jolqtu r-reġjun tal-Mediterran, fosthom il-paċi u s-sigurtà, il-migrazzjoni, l-għajnuna umanitarja u r-reżiljenza ekonomika.

Matul it-tielet laqgħa, l-Ispeaker iltaqa’ mal-Ambaxxatriċi tal-Vjetnam, Nguyen Phuong Anh, fejn ġiet diskussa l-ħbiberija li ilha teżisti bejn iż-żewġ pajjiżi sa mit-twaqqif tar-relazzjonijiet diplomatiċi fl-1974, kif ukoll il-possibbiltajiet li din tingħata dimensjoni ġdida.

L-Ispeaker innota l-iżvilupp ekonomiku u l-irwol internazzjonali dejjem jikber tal-Vjetnam, filwaqt li esprima l-interess ta’ Malta li tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż, partikolarment fl-oqsma tal-kummerċ, is-servizzi marittimi, it-teknoloġija, il-farmaċewtika, is-semikondutturi u l-innovazzjoni diġitali.

Ġiet enfasizzata wkoll l-importanza tal-kooperazzjoni marittima, fosthom permezz ta’ programmi konġunti ta’ taħriġ, riċerka u kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet marittimi taż-żewġ pajjiżi. L-edukazzjoni u l-iskambji kulturali ġew identifikati bħala oqsma oħra li jistgħu jkomplu jressqu liż-żewġ popli aktar lejn xulxin.

Matul it-tliet laqgħat, l-Ispeaker Carmelo Abela tenna l-importanza li Malta tkompli ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi differenti permezz tad-djalogu, il-kooperazzjoni u d-diplomazija parlamentari.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport