Saturday, December 21, 2024

Daniel Attard maħtur fit-tmexxija tat-task force tat-turiżmu tal-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

L-Ewroparlamentari Laburista Daniel Attard inħatar b’mod unanimu fit-tmexxija tat-task force tat-turiżmu tal-Parlament Ewropew.

Din il-ħatra, bl-appoġġ ta’ kull grupp politiku, tirrifletti l-fiduċja fl-impenn ta’ Attard biex isaħħaħ dan is-settur kruċjali għat-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività fl-Ewropa.

“Din il-ħatra għalija tfisser responsabbiltà biex inkompli naħdem favur turiżmu li jindirizza l-isfidi ta’ żminijietna u li jagħti aktar opportunitajiet lill-komunitajiet tagħna. Lil hinn mit-titli, hija xhieda tal-ħidma li għamilna biex nibnu relazzjonijiet li permezz tagħhom niksbu riżultati għal Malta”, qal Attard.

Attard dejjem saħaq li fit-turiżmu hemm diversi sfidi komuni li jirrikjedu soluzzjoni komuni bl-appoġġ u s-sostenn dirett tal-UE. Ewlenin fosthom is-sostenibbiltà, in-nuqqas ta’ ħaddiema, u l-bżonn li l-komunitajiet lokali jingħataw aktar appoġġ. Ilkoll temi li se jkunu fiċ-ċentru ta’ ħidmet Daniel Attard fir-rwol li ġie fdat bih. 

“Din mhijiex biss politika; hija viżjoni għal turiżmu li jħares ‘il quddiem, isaħħaħ il-kompetittività, u jipproteġi l-wirt kulturali tagħna,” żied jgħid Attard.

Din l-aħbar timmarka sitt xhur ta’ ħidma konsistenti fil-Parlament Ewropew, wara li fl-aħħar ġimgħat Daniel Attard inħatar ukoll fuq in-Netwerk tal-Petizzjonijiet u kif ukoll Viċi President tad-Delegazzjoni għall-Iran, flimkien ma’ responsabbiltajiet oħra fuq livell tekniku u leġiżlattiv.

Dan apparti t-taħdidiet kontinwi mal-Kummissjoni Ewropea fuq diversi temi t’interess nazzjonali, sabiex l-Ewroparlamentari Laburista jiżgura li l-prijoritajiet ta’ Malta u Għawdex jiġu riflessi fil-livelli kollha tal-politika Ewropea.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport