Wednesday, December 18, 2024

Din il-ġimgħa jitħallas l-ewwel pagament tal-Cola Addizzjonali għall-2025

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ftit aktar minn 97,000 familja, din il-ġimgħa se jitħallsu l-ewwel minn żewġ pagamenti tal-benefiċċju addizzjonali għall-għoli tal-ħajja għall-2025. Bejniethom se jkunu qed jirċievu total ta’ kważi €24 miljun.

Flimkien ma’ xi pagamenti oħra li jistgħu jsiru fil-ġimgħat li ġejjin u t-tieni pagament ġenerali, li jitħallas f’Ġunju li ġej, l-investiment totali għall-2025 mistenni jaqbeż il-€50 miljun.

Kien il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon li ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li indirizza flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru Mark Musù, fejn irrimarka kif dan il-Gvern mhux biss qiegħed iżomm kelmtu imma li dan il-benefiċċju qed jagħtih qabel żmienu.

Din se tkun it-tielet sena li fiha qed jiġi mħaddem il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja. Dan huwa ntiż biex flimkien mas-sussidji fuq il-prezzijiet tal-enerġija u taċ-ċereali jagħti sostenn lill-familji bi dħul baxx jew medju quddiem l-isfida tal-inflazzjoni, anke jekk din issa battiet.

Dan il-benefiċċju jingħata lil familji li d-dħul tagħhom huwa taħt id-dħul medjan nazzjonali ekwivalizzat. Skont l-aħħar ċifri tal-NSO dan ilaħħaq €18,940 għal familja b’persuna oħra. Id-dħul ekwivalizzat ivarja skont id-daqs tal-familja.
Il-mekkaniżmu biex jiddetermina l-ħlas tal-familji jqis żewġ fatturi:

  • id-dħul tal-familja jew tal-individwi mqabbel mal-livell ta’ 60% tal-Medjan Nazzjonali Ekwivalizzat jew €11,364 (li huwa l-livell tar-riskju tal-faqar għal persuna singola).
  • in-numru ta’ persuni fil-familja.

Kemm se jkun il-benefiċċju?

Ir-rata bażika tal-benefiċċju li fuqha qed jinħadmu r-rati għassena d-dieħla hi ta’ €4.66 fil-ġimgħa (kumpens addizzjonali akkumulat mill-2023 sal-2025). Jekk id-dħul ekwivalizzat tal-familja jaqa’ taħt ir-riskju tal-faqar, l-ammont fil-ġimgħa ikun iżjed minn hekk – jekk ikun ogħla mir-riskju tal-faqar l-ammont ikun anqas minn hekk.

Allura aktar ma d-dħul ikun baxx, ogħla se jkun il-benefiċċju li jitħallas.
L-istess jiġri fil-każ tad-daqs tal-familja, akbar ma hi kbira l-familja, aktar il-benefiċċju.

Il-benefiċċju jvarja bejn €145.40 fis-sena (€2.80 fil-ġimgħa) u €1,500 fis-sena (€28.85 fil-ġimgħa). Minn dan il-benefiċċju se jkunu qed igawdu firxa wiesgħa ta’ familji, fejn mhux biss familji f’riskju ta’ faqar jew vulnerabbli qed jibbenefikaw iżda wkoll dawk fil-faxxa medja tas-soċjetà.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport