Wednesday, April 16, 2025

Dis-sena kienet wieħed mill-aqwa staġuni li esperjenzajt fil-futbol Malti – Jordan Agius

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Kemm ili tifel żgħir kont iffissat fuq dan l-isport, trabbejt fih u qatt ma kont naf ħajti mingħajru. Ta’ tliet snin dħalt fin-nursery ta’ San Ġwann FC u minn hemm, bqajt nilgħab il-futbol sal-lum il-ġurnata. 

U kif għażilt proprju r-rwol ta’ goalkeeper?

Meta tkun għadek tifel, tisma’ lil kulħadd ifaħħar lill-plejer li jkun fil-grawnd. Ma nafx eżatt għaliex biex ngħid il-veritá, imma ridt inkun differenti. Dik, ukoll mal-fatt li kont naf li missieri, Louis Agius, kien goalkeeper fi żmienu kienet biżżejjed biex niddeċiedi li dak kien se jkun ir-rwol tiegħi, u kuntent ħafna li għażiltu.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mqabba FC.

Dis-sena kienet wieħed mill-aqwa staġuni li esperjenzajt fil-futbol Malti. Il-klabb ta’ Mqabba FC huwa wieħed uniku … wieħed li jien dejjem ħa nfahhar u nirrakkomanda lill-ġenituri biex iġibu t-tfal tagħhom hawnhekk minħabba l-atmosfera li jġib miegħu dal-klabb. Fortunatament, il-‘locker room’ li kien hawn dis-sena għenet ħafna għal dal-aspett, għax jien inħares lejn sħabi l-plejers mhux bħala kollegi tal- futbol biss, imma bħala familja oħra li nista’ nafda fuqhom meta jiġu l-mumenti diffiċli. Diffiċli ssib ‘dressing room’ daqshekk magħquda, imma grazzi għalihom, ilħaqna t-tragward li ridna u gawdejna flimkien.

X’tikkummenta fuq il-kowċ Claudio Calleja, il-president Terrance Briffa u t-team manager Louis Agius li b’koinċidenza jiġi wkoll missierek?

Fil-bidu tas-sena, kieku saqsejtni min kien Claudio Calleja, kont nibqa’ nħares lejk u ma nagħtikx risposta għax ma kellix idea ta’ min hu dar-raġel. Illum, nista’ ngħid bil-kunfidenza li huwa raġel sew immens u nħossni fortunat li għamilt sena taħriġ miegħu. Kapaċi jmexxi t-tim u jagħtina l-motivazzjoni neċessarja meta kien hemm bżonn, u r-riżultati juru dan għax fl-aħħar mill-aħħar, ġejna promossi. 

Il-president Terrance Briffa huwa persuna oħra li jien nikkunsidra bħala raġel fuq l-irġiel. Qdiena dejjem meta kien hemm bżonn u dejjem kellu l-bieb miftuħ għal kulħadd. Ma kienx hemm ġurnata minnhom fejn ma mexiex ta’ raġel magħna, u ta’ dan nirringrazzjah minn qalbi. Huwa wieħed mill-aktar nies importanti tal-klabb, u mingħajru, l-affarijiet setgħu jkunu differenti ħafna.

Meta niġi għal missieri, Louis Agius, hu kien xi ħadd li ħadem ħafna minn wara l-kwinti għal Mqabba FC … dejjem għaddej fuq il-mowbajl biex jirranġa xi problema jew isib xi mod biex jagħmel lill-plejers kuntenti. Meta konna qegħdin ħin it-taħriġ, hu dejjem qiesni bħal kull plejer ieħor tat-tim u trattani kif suppost. 

X’taħseb li kien is-sigriet wara l-ksib tal-promozzjoni għan-National Amateur League 1 min-National Amateur League 2 minn Mqabba FC?

Kif għidt qabel, is-sigriet li mhu sigriet xejn fl-opinjoni tiegħi huwa l-għaqda li hemm preżenti fid-dressing room u l-klabb inġenerali. Dressing room b’saħħitha dejjem ħa tara riżultati pożittivi, imma bil- gwida tal-captain tagħna, Neil Magri, u bl-għajnuna li ġibna f’Jannar, kellna atmosfera ferm sabiħa bejnietna u b’dik il-mentalitá li kulħadd ħa joqtol għal xulxin, wasslet biex matul dan ix-xahar, il-klabb tal-Mqabba sab ruħu promoss għan-National Amateur League 1.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Dawn l-aħħar snin kien hemm progress ‘overall’ fil-bażi tal-futbol Malti. In-nurseries dejjem qed jitjiebu maż-żmien u iktar qed naraw plejers ta’ etá żgħira jilagħbu mal-ewwel ħdax tat-timijiet rispettivi tagħhom. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrgu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-grawnds huma responsabbiltá kbira biex iżżommhom ta’ livell sew. Jien niftakar meta kont għadni U15/17, kont tmur fuq it-turf u tispiċċa l-logħba b’saqajk u ġenbek kollu aħmar, speċjalment bħala goalkeeper. Issa, rari huwa dak il-każ. L-attenzjoni għall-kwalitá tat-turf żdiedet fl-aħħar snin, li huwa importanti minħabba r-riskju tal-injuries fl-aħħar mill-aħħar.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Din hija mistoqsija li ili nsaqsi lili nnifsi. Huwa fatt magħruf li xogħli ta’ ‘chef’ huwa wieħed li jitlob ħafna mill-ħin tiegħi, u ma kienx l-ewwel darba li fallejt t-taħriġ minħabba fih. Imma, dejjem sibt mod biex inlaħħaq ma’ kollox, skola inkluż. Ovvjament, ħa nagħmel minn kollox biex insib il-bilanċ bejniethom, speċjalment fejn jekk Alla jrid, is-sena d-dieħla tkun l-aħħar waħda qabel ma niggradwa għal ‘degree’. Ħa jkun mitlub minni biex nippjana sew jekk nixtieq inkompli għaddej bil-futbol, imma hi xi ħaġa li lest nagħmel biex inkompli nżid il-ħin tiegħi f’dan l-isport. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Id-dedikazzjoni hija kollox għall-futbol. Bħal kull ħaġ’oħra, is-suċċess jiddependi kollu fuq kemm tridu, u kemm int lest biex taħdem għalih. Sib tim li japprezzak u jgħinek tħossok parti ta’ għaqda sħiħa, familja. Dejjem ħares lejn il-pożittiv, u tħalli lil ħadd iwaqqgħek! 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport