Tuesday, December 24, 2024

“Diskussjoni li reġgħet kixfet il-politika pjuttost dgħajfa tal-Oppożizzjoni”

- il-Ministru Miriam Dalli

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-winding up tad-diskussjoni dwar it-twaqqif tal-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli qalet li f’din id-diskussjoni ħareġ ċar li t-triq ‘il quddiem li qed jipproponi l-Gvern hi essenzjali biex jiżguraw li pajjiżna jilħaq il-miri dwar il-klima. Dan filwaqt li jkunu allokati r-riżorsi meħtieġa sabiex nadattaw għat-tibdil li diġà qed jaffettwa diversi oqsma tal-ħajja, mhux biss b’mod internazzjonali imma anke f’pajjiżna.

Il-Ministru Dalli enfasizzat li meta nitkellmu dwar azzjoni klimatika ma nistgħu neskludu lil ħadd – fis-snin li ġejjin ilkoll kemm aħna rridu nkunu qed nikkontribwixxu għal azzjoni klimatika b’saħħitha. “Għandna rwol kruċjali biex flimkien intaffu l-impatt tat-tibdil fil-klima u noħolqu ambjent aħjar fejn ngħixu.”

Il-Ministru Dalli semmiet kif għal darba oħra, din id-diskussjoni reġgħet kixfet il- politika dgħajfa tal-Oppożizzjoni. “Politika ta’ ħafna kliem u fatti xejn… smajniehom jgħidu li din l-awtorità ġdida riedu jagħmluha huma… għal min irrealizza li qed nitkellmu fuq awtorità għax sal-lum il-Kap tal-Oppożizzjoni qed isejħilha aġenzija,” qalet il-Ministru Dalli.

Hija semmiet kif l-għajnuna li qed jallokaw għall-istabblità fil-kontijiet tal-enerġija mhumiex kapriċċ imma investiment fil-potenzjal tal-familji u n-negozji. Konferma tal-fiduċja ta’ dan il-Gvern fil-poplu, għaliex meta tinċentiva lill-familji u lin-negozji, minn jeddhom se jfittxu li jnvestu f’aktar effiċjenza, f’ħajja aktar sostenibbli, f’teknoloġiji li jniġġsu inqas.

Il-Ministru Dalli qalet ukoll li Gvern Laburista jemmen li l-azzjoni klimati tinfirex fuq kull ħidma u kull inizjattiva tal-pajjiż. “Qed naħdmu biex nilħqu l-miri quddiemna, u biex inwettqu l-azzjonijiet t’adattament, permezz ta’ oqsma u setturi differenti. Żewġ pilastri ewlenin tal-ħidma ta’ dan il-Gvern lejn it-tranżizzjoni ekoloġika huma d-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u l-investiment f’aktar enerġija rinnovabbli.”

Hawn innotat kif l-aħħar statistika uffiċjali tindika li sal-aħħar tal-2022 kellna 13.4% tal-enerġija tal-pajjiż ġejja minn sorsi rinovabbli. U dan ma jinkludix is-sistemi installati s-sena li għaddiet.

Il-Ministru Dalli qalet li dawn huma riżultati inkoraġġanti iżda temmen li b’aktar ħidma, nistgħu nibqgħu nżidu s-sehem tar-rinovabbli f’pajjiżna. Qalet ukoll li se tissokta l-ħidma biex din iż-żieda tkompli twassalna eqreb lejn il-mira finali tan-newtralità fil-klima sas-sena 2050.

Fl-aħħar nett, hija tenniet li rridu Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima li tmexxi skont dak li titlob ix-xjenza u li fl-istess waqt tispira u tixpruna lill-komunitajiet f’Malta u Għawdex, biex jagħtu s-sehem tagħhom fit-tranżizzjoni ekoloġika lejn futur dekarbonizzat, lejn ambjent aħjar, lejn in-newtralità fil-klima.

Ekonomija

Sport