Fi tmiem din il-ġimgħa ser jitħallsu żewġ benefiċċji soċjali oħra, dak tal-bonus għal min ma jikkwalifikax għal pensjoni kontributorja kif ukoll il-benefiċċju tal-Għotja għall-Anzjani. B’kollox il-benefiċjarji jlaħħqu total ta’ 54,445 li bejniethom qed jitħallsu s-somma ta’ €26.6 miljun.
Bidla importanti fil-bonus ta’ min ma jikkwalifikax għall-pensjoni hija dik li minn din is-sena ir-rata tal-bonus hija marbuta mal-ammont ta’ kontribuzzjonijiet li persuna tkun ħallset. Akbar ma jkun l-għadd ta’ kontribuzzjonijiet, ogħla tkun ir-rata tal-bonus.
Dan il-bonus jitħallas lil min ikun ħallas anqas minn 10 snin ta’ kontribuzzjonijiet. Ir-rati jvarjaw minn €550 għal min ħallas sena ta’ kontribuzzjonijiet għal €1,000 għal min ħallas sa 9 snin. Din hija s-seba’ darba li qed tittejjeb r-rata tal-bonus minn meta beda jingħata fl-2015. B’kollox 13,216 anzjani, l-aktar nisa, qed jirċievu l-bonus b’investiment li jlaħħaq aktar minn €10miljun.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon.
“B’sodisfazzjon nista’ nħabbar illi sal-ewwel 5 ġimgħat tas-sena, diġà implimentajna 24 minn 45 miżura soċjali mill-Budget 2025. Dan ifisser li l-poplu Malti diġà qed jara l-frott t’aktar minn nofs il-miżuri soċjali mwiegħda għal din is-sena,” sostna l-ministru.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti Mark Musù tkellem dwar pagament ieħor li se jsir din il-ġimgħa li huwa dak tal-Għotja tal-Anzjani, u li se jibbenefikaw minnu 41,329 persuna. Dawn se jirċievu bejniethom €16.5 miljun. Anzjani fl-età bejn 75 u 79 sena qed jirċievu €350 fis-sena, filwaqt dawk ta’ ’l fuq minn 80 sena qed jirċievu €450 fis-sena.
Intant bis-saħħa ta’ miżura ġdida tal-Budget li qed tkun implimentata minn din il-ġimgħa, persuni li qed jieħdu ħsieb żewġ membri tal-familja ser jitħallsu darba u nofs tal-ogħla rata tal-benefiċċju li għaliha jkunu intitolati.