Friday, November 22, 2024

Eċċitat biex inkun parti mit-tim ta’ Hibernians BC u flimkien nagħmlu l-almu kollu tagħna – Matthew Gouder 

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-basketball?

Ommi u missieri t-tnejn kienu jilagħbu l-basketball u ressquni lejn dan l-isport minn t’etá żgħira – ili nilgħab il-basketball minn mindu kelli erba` snin. Minn dejjem kont nieħu gost nilgħab il-basketball. Fih għamilt il-ħbieb, u għalhekk serva t’opportunita` fejn stajt nilgħab parti minn tim. Iktar ma kbirt iktar attirani lejh, speċjalment minn 16-il sena ‘il fuq, fejn kelli l-opportunita` nitgħallem mingħand plejers ikbar u b’iktar esperjenza minni, minħabba li ntgħażilt biex nilgħab mat-tim tal-Ewwel Diviżjoni. Bħal f’kollox, kultant ikun hemm dawk il-mumenti diffiċli, peró, il-ġibda lejn il-basketball tibqa’ hemmhekk, u dejjem erġajt sibt ruħi fuq il-court. 

Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek mat-tim ta’ Hibernians?

Fil-passat ġieli lgħabt ma’ xi wħud mill-plejers ta’ dan it-tim waqt in-Nazzjonal, għalhekk inħoss li sservi bħala esperjenza ta’ tagħlim għall-istaġun li ġej. Dan it-tim għandu plejers b’esperjenza. 

Eċitat biex inkun parti minn dan it-tim ta’ Hibernians BC u naħdem mal-kumitat, il-kowċ u l-plejers, biex flimkien nagħmlu l-almu kollu tagħna f’din il-kompetizzjoni. 

Taħseb li għandkom tim b’saħħtu biżżejjed biex tirbħu l-kampjonat?

Iva, għandna tim b’esperjenza, li ra rebħ fi staġuni passati, u nemmen li għandna tim biex mhux biss nikkompetu, imma li nirbħu l-kampjonat u t-tazzi matul dan l-istaġun.

Liema unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?

S’issa rbaħt l-unur tal-Plejer tas-Sena tat-Tieni Diviżjoni, il-kampjonat miż-żewġ diviżjonijiet u diversi tazzi li jkollna ta’ matul l-istaġun, kif ukoll il-midalji tad-deheb mat-tim tan-Nazzjonal.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek mat-tim nazzjonali Malti tal-basketball.

Kienet esperjenza pożittiva. Meta kelli l-unur li nitla’ man-nazzjonal kien irnexxielna nirbħu żewġ midalji tad-deheb. Nemmen li t-tim nazzjonali għandu fejn jikber, partikolarment permezz tal-għażla ta` plejers lokali li jintgħażlu sabiex jirrapreżentaw lil pajjiżna. 

Taqbel miegħi li l-livell tal-kampjonat tal-irġiel żdied ferm matul dawn l-aħħar snin?

Naqbel, iżda għandu fejn jiżdied iktar. Biex dan isir, nemmen li l-kampjonat għandu bżonn jikber biż-żieda ta’ timijiet ġodda li jikkreaw iktar pressjoni u kompetizzjoni minn dik preżenti, u billi jiġi promoss aħjar fix-xena sportiva lokali. Dan għandu jibda minn nurseries. Bħala pajjiż għandna ħafna potenzjal u jekk l-MBA jirnexxielha tinvesti fi tfal li għandhom il-ħajra u l-passjoni lejn il-basketball, nemmen li jista’ jkollna kampjonat ikbar u aħjar.

Bħala riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob tagħkom, dawn kif tiddeskrivihom?

Għandna l-Padiljun tal-basketball f’Ta’ Qali li għadu kif ġie rinnovat u huwa ta’ kwalitá tajba ferm. Nemmen li avolja l-MBA irnexxielhom jibnu u jinvestu f’riżorsi bħall-courts barra u t-training court, hemm bżonn t’iktar postijiet fejn plejers ikunu jistgħu imorru u jittrenjaw waħedhom, biex isaħħu l-ħiliet individwali tagħhom, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxi lill-kumplament tat-tim, u l-basketball lokali.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil- basketball.

Iktar ma taħdem fuqek innifsek u fuq il-ħiliet tiegħek iktar se jkollok ċans li tirnexxi. It-talent waħdu mhuwiex biżżejjed jekk tixtieq tilgħab il-basketball f’livell għoli. It-talent għandu jkun sostnut bl-imħabba u l-impenn kostanti lejn din id-dixxiplina.

Sport