Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, flimkien mas-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea u l-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele, ħabbru estensjoni importanti fis-servizz tal-CommCare.
Dan is-servizz, li jipprovdi assistenza medika ta’ infermiera u carer fir-residenzi ta’ anzjani u individwi li għandhom bżonn għajnuna matul il-jum, issa se jkun estiż għall-ħinijiet ta’ filgħaxija. Din il-bidla se twassal għal aktar flessibilità għall-anzjani u l-familjari tagħhom, speċjalment dawk li jeħtieġu assistenza medika anke filgħaxija.
Fl-2024, is-servizz CommCare wettaq madwar 1.3 miljun intervent, b’medja ta’ kważi 5,000 persuna kull xahar li jibbenefikaw minn dan is-servizz essenzjali. L-interventi jinkludu kura ġenerali, trattamenti mediċi jew kirurġiċi, injezzjonijiet, kura għad-dijabete, u servizzi ta’ flebotomija.
Din l-estensjoni hija pass ieħor fil-ħidma li qed titwettaq mill-gvern sabiex jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli fil-komunità, filwaqt li tikkonferma l-impenn tal-gvern li jkompli jtejjeb u jsaħħaħ is-servizzi ta’ kura u għajnuna medika fid-djar.
Il-Ministru Jo Etienne Abela semma l-ħidma li twettqet matul is-snin sabiex ikomplu joffru servizzi ta’ kwalità li minnhom verament igawdi l-pazjent. Spjega kif permezz ta’ din l-estensjoni tas-servizz tal-CommCare se tassigura li l-bżonnijiet tal-pazjenti jiġu sodisfatti b’mod aktar effiċjenti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea enfasizza li l-gvern qed ikompli jinvesti biex jagħmel is-servizzi tiegħu aktar aċċessibbli minn qatt qabel, filwaqt li jkompli jsaħħaħ il-viżjoni li l-anzjani jibqgħu attivi u jgħixu ħajja indipendenti fil-komunitajiet tagħhom.