Sunday, September 8, 2024

FA Trophy: Il-holders Birkirkara jibdew kontra Attard

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Matul dawn it-tlett ijiem jintlagħab ir-round tal-Aħħar 32 tal-Izibet FA Trophy fejn jidħlu jilagħbu t-timijiet tal-Kampjonat Pre­mier u taċ-Challenge Lea­­­gue. 

Il-holders, Bir­kirkara, jib­­dew l-impenji tagħhom kontra t-team miċ-Challenge Lea­gue, Attard.  

Birkirkara v Attard – Birkirkara jibdew favoriti netti li jikkwalifikaw għall-Aħħar 16 meta jaffrontaw lil Attard li jilagħbu fid-diviżjoni ta’ livell inqas u jinsabu fl-14-il post (minn 16-il team) u fiż-żona tar-rele­gazzjoni. 

Il-Karkariżi mistennija jagħ­tu d-debutt lill-attakkant, Andrea Zammit, li pro­prju fil-jiem li għaddew ngħaqad magħhom wara avventura qasira ma’ Messina. 

Floriana v Naxxar L. – Din il-partita hija l-unika waħda bejn timijiet tal-Premier.

Il-ko-leaders, Floriana, ji­lagħbu kontra Naxxar Lions li qed jitqiesu bħala t-team rivelazzjoni tal-istaġun.

Wara bidu ferm ħażin, in-Naxxarin issa jinsabu fis-sitt post tal-klassifika. 

Aktar minn hekk, iż-żewġ timijiet spiċċaw fi draw ta’ 1-1, fl-ewwel round tal-kampjonat.

Din se tkun is-sitt darba li l-Greens u l-Lions se jiltaqgħu f’din il-kompetizzoni fejn fil-ħamsa preċedenti Floriana rebħu tlieta filwaqt li Naxxar rebħu tnejn … bl-ewwel konfront ikun kważi 76 sena ilu meta, fid-9 ta’ Mejju, 1948, il-Furjaniżi kienu għelbu lin-Naxxar fil- kwarti-finali bl-iskor ta’ 6-0.

Mosta v Pietá H. – Mosta jaffrontaw lit-team miċ- Challenge League, Pietá Hot­spurs, li jinsabu fit-tielet post tal-klassifika u sfidanti denji għall-promozzjoni fl-ogħ­la diviżjoni wara li sfaw relegati fl-istaġun li għadda.

Min-naħa ta’ Mosta ilhom ma jirbħu għal dawn l-aħħar seba’ partiti li f’sitta minnhom naqsu li jsibu x-xibka avversarja. 

Fl-ewwel round, il-Hotspurs għelbu lil Senglea Athletic 3-2 bil-penalties wara li l-konfront intemm fi draw ta’ 2-2. 

Hamrun S. v Lija A. – Din hija logħba li Hamrun Spartans għandhom jibdew favoriti netti hekk kif dan il-konfront ilaqqa’ l-ko-leaders tal-Premier kon­tra Lija Athletic li jinsabu fis-seba’ post taċ-Challenge League. 

Din hija t-tieni darba li dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu f’din il-kompetiz­zjo­­ni. 

Fir-round preċedenti, Lija eliminaw lil Kirkop United bl-iskor ta’ 2-1. 

Marsaxlokk v Zejtun C. – Marsaxlokk jiffaċċjaw lil Zejtun Corinthians fid-derby tax-Xlokk ta’ Malta. 

Din se tkun ir-raba’ darba li dawn iż-żewġ timijiet se jilagħbu kontra xulxin f’din il-kompetizzjoni fejn it-team miċ-hallenge League, Zejtun Corinthians, rebħu tnejn minnhom. 

Iżda l-finalisti tal-istaġun li għadda, Marsaxlokk, hu­ma favoriti netti li jibbilanċjaw il-miżien bejniethom.  

Fl-ewwel round, iż-Żwie­ten għelbu lil Kercem Ajax 3-2 wara l-ħin barrani.  

Balzan v Zurrieq– Balzan, li jinsabu fit-tmien post tal-Premier jilagħbu kontra Zurrieq li jinsabu fil-ħames post taċ-Challenge League u b’ċans tajjeb li jiksbu l-promozzjoni wara nuqqas ta’ 25 sena. 

Din se tkun l-ewwel darba li dawn iż-żewġ timijiet se jiltaqgħu f’din il-kompetizzjoni. 

Interessanti huwa l-fatt  ukoll li rebħuha darba kull wieħed … Balzan fl-2018/19 u Zurrieq fl-1984/85.

Hibernians v Qala S. – Bla dubju, Hibernians jibdew favoriti li jgħaddu għar-round li jmiss meta jilagħbu kontra t-team Għawdxi ta’ Qala Saints li jinsab fit-fit-tieni post tal-Ewwel Diviżjoni. 

Din se tkun l-ewwel sfida bejn dawn iż-żewġ timijiet f’din il-kompetizzjoni … u filwaqt li din se tkun il-203 partita tal-Pawlisti, din se tkun biss it-13-il dehra tas-Saints. 

Biex għaddew għal dan ir-round, Qala għelbu lil Melita bl-iskor ta’ 7-5 wara l-ħin barrani.

Valletta v Għajnsielem – Bil-pożizzjoni diżappuntanti fil-klassifika tal-Premier, tant li jinsabu fil-pe­riferija tar-relegazzjoni, Val­letta jim­miraw li jirbħu l-FA Trophy li tista’ ssalvalhom l-istaġun u fl-is­tess waqt jaq­­­­tgħu l-passaġġ għall- kom­­petizzjoni tal-UE­­FA Conference League. 

Il-partita kontra Għajn­sielem, li jinsabu fis-sitt post (minn tmien timijiet) tal-Ewwel Diviżjoni Għaw­d­­xija, hija l-ewwel ostaklu li jridu jissuperaw. 

Il-Lilywhites jibdew favoriti iżda jridu juru rispett lejn l-avversarji tagħhom.

Sliema W. v Marsaskala – Sliema Wanderers jibdew favoriti netti meta jaffrontaw lil Marsaskala li jinsabu fit-tieni post tal-Amateur League B.  

Il-Wanderers jinsabu er­ba’ punti biss taħt il-leaders tal-Premier League u għaldaqstant l-Iskalin iri­du jkunu fl-aqwa forma tagħ­hom biex joffri sfida denja lit-team li rebaħ din il-kompetizzjoni 26 darba!

Ekonomija

Sport