Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes), wieħed mill-aktar widien importanti f’Malta mill-aspett ekoloġiku, issa għandu walking trail ta’ 2km wara proġett estensiv ta’ konservazzjoni u restawr. Dan it-trail jigbor flimkien is-sbuħija naturali, l-istorja u elementi sostenibbli.
L-inawgurazzjoni saret mill-Ministru għall-Ambjent, Miriam Dalli, waqt attività li ġabret flimkien familji, dilettanti tal-mixi u turisti. Il-ministru saħqet dwar il-bżonn ta’ spazji pubbliċi aċċessibbli u sostenibbli. “Dawn il-proġetti juru kemm aħna impenjati li nagħtu lura lill-pubbliku u niżguraw il-preservazzjoni ta’ żoni naturali bħal Wied il-Qlejgħa għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Permezz ta’ dawn il-proġetti ta’ riabilitazzjoni, żidna l-abbiltà ta’ Wied il-Qlejgħa li jaħżen kważi 70 miljun litru ilma, u b’hekk qed ngħinu lill-bdiewa tal-inħawi fil-produzzjoni agrikola. Iż-żamma fit-tul tal-ilma hija ta’ benefiċċju kemm għall-agrikoltura kif ukoll għall-ekosistema.”
It-trail, li jkopri ż-żona mill-Imtarfa sal-Fiddien, joffri esperjenza unika fejn sistemi antiki ta’ ġbir tal-ilma jingħaqdu ma’ prattiki ekoloġiċi avvanzati. Jinkludi wkoll spazju dedikat għat-tfal, biex il-familji u l-viżitaturi ta’ kull età jkunu jistgħu jgawdu n-natura u l-istorja tal-lokal flimkien.
Dan il-wied kellu rwol kruċjali fil-provvista tal-ilma għal sekli sħaħ, kemm fl-ippjanar tal-akwedott ta’ Wignacourt fil-Belt Valletta kif ukoll fil-proġetti ta’ provvista tal-ilma ta’ Sir Osbert Chadwick. Illum, wara proġett estensiv ta’ restawr imniedi mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (Energy & Water Agency) f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għall-Ambjent, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Nature Trust Malta u l-Kunsill Lokali tar-Rabat, Wied il-Qlejgħa qed jingħata ħajja ġdida bħala ċentru ekoloġiku miftuħ u aċċessibbli għal kulħadd.
Manuel Sapiano, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, spjega li l-proġett ta’ restawr kien jinkludi t-tneħħija ta’ speċi invażivi bħall-‘great reed’, il-crayfish, is-siġar tal-castor oil u l-‘balloon vine’, li kienu qed jipperikolaw il-bijodiversità lokali. “B’hekk, ir-rintroduzzjoni ta’ siġar indiġeni bħall-White Poplar u t-tindif tal-fdalijiet żiedu l-kapaċità tal-wied li jiġbor aktar ilma tax-xita, u joffru provvista ta’ ilma aktar sostenibbli kemm għan-natura kif ukoll għall-agrikoltura.”
F’Wied il-Qlejgħa ssib iż-żrinġ (painted frog), l-uniku anfibju indiġenu tal-Gżejjer Maltin, kif ukoll varjetà ta’ siġar indiġeni bħall-White Willow u l-White Poplar, u għasafar bħall-European Robin, il-Cetti’s Warbler u l-Ispanzol (Spanish Sparrow). Ir-residenti u l-viżitaturi huma mistiedna jgawdu dan it-trail u l-wirt naturali tiegħu.
Dan it-trail jingħaqad max-xogħlijiet infrastrutturali mħabbra l-ġimgħa l-oħra li saru minn Infrastructure Malta, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, biex jiġi żgurat aċċess sigur u titħares l-integrità ekoloġika ta’ Wied il-Qlejgħa fit-tul.