Monday, January 13, 2025

“Fil-proġett tal-Imsida Creek ninsabu fit-triq it-tajba”- Il-Ministru Chris Bonnet

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Ma naqasx ukoll li nitkellmu fuq il-proġett tal-Imsida Creek, proġett kbir ieħor li x-xogħol fuqu jinsab għaddej ġmielu. Qal li huwa stess kien involut direttament fid-diskussjonijiet li saru bil-messaġġ tiegħu kien wieħed ċar, dak li jekk ikun hemm immaniġġjar tat-traffiku tajjeb, u sinjali tajbin, il-proġett jista’ jsir bl-inqas inkonvenjent possibbli u jitlesta fi żmien stipulat ukoll. 

“Jidher li qegħdin fit-triq it-tajba. Xorta waħda nistenna li jiġu ġranet fejn ikun hemm konġestjoni ta’ traffiku. Ma nistax nimmaġina li f’sentejn mhu se jiġri xejn però jekk ix-xogħol jibqa’ għaddej bir-rata u l-professjonalità li rajt f’dawn ix-xahrejn nemmen li dan il-proġett se jagħtina sodisfazzjon.”

Il-Ministru Bonett kompla jgħid li r-residenti tal-Imsida jinsabu grati li sa fl-aħħar f’din iż-żona qed issir xi ħaġa biex tiġi indirizzata l-problema tal-għargħar.

Huwa rringrazzja wkoll lill-pubbliku tal-koperazzjoni kif ukoll lill-Infrastructure Malta tal-ħidma tagħhom u tal-mod li bih qed iwasslu l-messaġġ b’rabta max-xogħlijiet li għaddejjin. 

“Dan huwa wieħed mill-akbar proġetti ta’ spazji miftuħa li se jkun sar. Ninsabu f’punt fejn il-proġett beda u qed naħdmu kollha flimkien biex nilħqu l-miri tagħna bl-inqas intoppi possibbli,” tenna l-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi.

Viżjoni ta’ Gvern li jrid jara aktar kwalità f’dak li nagħmlu

Fl-aħħar nett, staqsejna lill-Ministru dwar il-viżjoni tiegħu għaż-żmien li ġej. Qal li l-viżjoni tiegħu hi ta’ Gvern li jara aktar kwalità f’dak kollu li nagħmlu.

“Kollha kemm aħna rridu naħdmu biex naraw li n-numru ta’ karozzi fit-toroq jonqos, aktar nies jużaw trasport alternattiv – aktar nies iċedu l-karozza u jużaw it-trasport pubbliku, ir-rota, mutur jew is-servizz bil-baħar. Jekk jirnexxilna nikkonvinċu nies jagħmlu dik il-qalba, il-Gvern jagħmel suċċess f’dak il-qasam.

“Irridu nirrikonoxxu li l-karozza nħobbuha. Biex tbiddel din il-mentalità mhux se tkun faċli. Però fil-ġenerazzjoni żagħżugħa qed nara l-impenn li jkun hemm xi tip ta’ ċaqlieq fir-rigward. Bħala Gvern irridu nipprovdu spazju biex dik issir u anke nipprovdu l-alternattivi,” temm jgħid il-Ministru Bonett. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport