Friday, May 22, 2026

Fl-eqqel tal-istaġun tal-mibegħda u l-ħdura

Aqra wkoll

Qbiżna tista’ tgħid  nofs il-kampanja elettorali. Bħal-lum ġimgħa l-pajjiż ikun qed jistenna r-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali. Nistħajlek tistaqsini għala għażilt it-titlu li għażilt għal dan il-kummentarju: Fl-eqqel tal-istaġun tal-mibegħda u l-ħdura. Se ngħidlek ir-raġuni.

Huwa stat ta’ fatt li aħna pajjiż iffissat fuq il-politika. B’estremiżmu fuq iż-żewġ naħat. Anke t-temp jingħata timbru politiku. Ara jekk hux veru li kull ħaġa li tiġri se ssib li jkun hemm min jittimbraha politikament. Li jkun hemm diskussjoni dwar suġġett jew ieħor mhux biss naħseb li huwa tajjeb, imma huwa meħtieġ. Hekk titlob id-demokrazija.

Imma l-mod li bih qed tiġġenera d-diskussjoni dwar temi politiċi fuq livell mhux biss tat-triq huwa diżgustanti. Naħseb li b’xi mod jew ieħor kulħadd isegwi l-famuż Facebook. Veru jew le li tara kummenti li jqallgħuk?

Veru jew le li tara kummenti fejn jispikkaw mhux l-argumenti dwar is-suġġett imma l-mibegħda u l-ħdura lejn wieħed jew l-ieħor? Veru jew le li tara aġġettivi u timbri li jpoġġulek għajnejk wara widnejk?

Kultant nistaqsi lili nnifsi jekk fost dawk li fuq isimhom jidhru ċerti kummenti, ċerta ħdura, ċerta mibegħda, ikunux verament huma jew jekk in-numru tag]hom hux daqstant kbir.

Nibda nissuspetta kemm jista’ jkun hemm l-istess id wara diversi kummenti. Dawk li bl-Ingliż jissejħu ‘fake profiles’. Imma anke jekk hu hekk, il-mibegħda, il-ħdura, hemm ikunu.

Li l-aktar li jdejjaqni hu meta wara ċerta ħdura, ċerta mibegħda, ikun hemm nies magħrufin. Li sinċerament ma nistennihiex minnhom. Li nippretendi li m’għandhomx jinżlu fil-livelli baxxi li jinżlu.

Tant li nimmaġina li tali nies ma nafx x’jibqa’ mill-istonku tagħhom, minn imsarinhom jekk ir-riżultat aħħari ma jkunx dak li jkunu xtaqu huma.

Ma nistax nifhem għala dak li jkun għandu jinżel f’livell daqstant baxx, f’fossa ħama, biex jikkritika naħa jew oħra. Persuna jew oħra. Sempliċiment għax l-opinjoni politika ta’ dak jew ta’ dik hija differenti minn ta’ ħaddieħor.

Mibegħda u ħdura li jikkargaw u jiħraxu minn ġurnata għall-oħra. F’pajjiż żgħir bħal tagħna, fejn tista’ tgħid kulħadd jaf lil kulħadd, fejn l-opinjoni politika tvarja anke fi ħdan l-istess familja, sitwazzjoni bħal din hija kundannabbli għall-aħħar.

Għaliex għandna nispiċċaw bil-gdiedem fuq il-postijiet tax-xogħol? Fil-postijiet ta’ rilassament? Fil-pjazez? Huwa tajjeb li dak li jkun jinteressa ruħu u jipparteċipa bil-vot tiegħu f’teħid ta’ deċiżjoni ta’ tali portata. Imma hemm għalfejn naslu fejn qegħdin naslu?

Ma naħsibx li qiegħed nesaġera f’dak li qed ngħid. Hija attwalità li jista’ jaraha kulħadd. Imma intenni, attwalità li sfortunatament fost dawk li qegħdin jinstigwawha hemm nies li minnhom tippretendi ferm u ferm aħjar. X’inhu l-iskop veru wara l-instigar ta’ daqstant mibegħda u ħdura?

Minn qalbi nappellalek: Tkunx parti minn din l-attwalità. Injora kull kumment li tara ta’ din ix-xorta. Tirrispondix.  Ħallih jifga’ fl-irrimettar tiegħu stess lil min qed jinżel f’livelli daqstant baxxi. Tilgħabx il-parti tiegħu. Tinżilx għal-livell tiegħu.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport