B’pass ieħor biex jiżdiedu s-servizzi għall-persuni bid-dimensja u l-familjari tagħhom, ġie ffirmat ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità (AACC) u l-Arċidjoċesi ta’ Malta biex binja f’Tas-Sliema tiġi kkonvertita f’Ċentru ta’ Attività għal persuni bid-dimensja. Dan iċ-ċentru ġdid se joffri servizz essenzjali għal bejn 15 u 20 persuna kuljum, li se jkunu jistgħu jqattgħu l-ġurnata f’ambjent sigur u komdu, akkumpanjati minn caregivers imħarrġa u infermiera.
Fl-2024, il-Gvern kien ippubblika t-tieni Strateġija Nazzjonali għad-Dimensja, li saħqet fuq l-importanza li jiġu estiżi dawn iċ-ċentri sabiex aktar familji jkollhom servizzi ta’ appoġġ għal qrabathom bid-dimensja. Simili għaċ-ċentri eżistenti madwar Malta u Għawdex, dan iċ-ċentru ġdid f’Tas-Sliema se jkun iddisinjat u rinnovat mill-AACC biex jipprovdi ambjent li jixbah id-dar, minflok ambjent istituzzjonalizat. Dan huwa element kruċjali biex il-familjari tal-persuni bid-dimensja jħossuhom komdi meta jafdaw lill-qarib tagħhom fiċ-ċentru, filwaqt li l-istess utenti jħossuhom f’post familjari u rilassanti.
Matul il-jum, l-utenti se jipparteċipaw f’attivitajiet imfassla apposta biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom, jippromwovu l-interazzjoni soċjali u jnaqqsu l-impatt tal-kundizzjoni tagħhom. Dan filwaqt li l-familjari tagħhom jingħataw ftit ħin ta’ mistrieħ mid-dmirijiet ta’ kura li jkollhom ta’ kuljum.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim, kien hemm il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, is-Segretarju Permanenti Christine Schembri, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, Dr Renzo Degabriele, u rappreżentanti tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, Fr Denis Schembri, Arċipriet tal-Parroċċa ta’ Stella Maris u l-Ambaxxatur Roberto Buontempo, Kap tal-Proprjetà tal-Kurja.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif dan iċ-ċentru jkompli mal-istrateġija li l-Gvern qed jimplimenta għall-ħarsien u kura tad-dimensja. “Bħala Gvern irridu li nkomplu nsaħħu s-servizzi offruti fil-komunità billi noffru aktar ċentri dedikati għall-kura tad-dimensja li jgħinu biex tingħata kura ta’ kwalità għolja, iċċentrata u marbuta mal-pazjent,” temm jgħid il-Ministru Abela.
Is-Segretarju Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea saħaq fuq l-importanza li joffru mhux biss kura, iżda wkoll ambjent li jagħti wens u paċi kemm lill-persuni bid-dimensja kif ukoll lill-familjari tagħhom. Żied li l-investiment f’aktar ċentri bħal dan ifisser li aktar nies se jkollhom post sigur u ta’ sostenn, fejn jistgħu jkomplu jgħixu ħajja b’sens ta’ normalità. Din l-inizjattiva hija parti mill-viżjoni tal-Gvern li joffri servizzi dejjem aktar aċċessibbli, b’kura personalizzata u appoġġ sħiħ lill-familji li jaffrontaw din ir-realtà.
Dan iċ-ċentru ġdid se jkun pass ieħor fl-impenn kontinwu biex itejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li qed jgħixu bid-dimensja u tal-familjari tagħhom, u jkompli jsaħħaħ l-inizjattivi mwettqa taħt l-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja.