Ftehim storiku: Il-bandiera Maltija b’aċċess privileġġjat għall-portijiet Amerikani

Aqra wkoll

Kisba storika għas-settur marittimu Malti hekk kif, għall-ewwel darba, il-jottijiet privati rreġistrati taħt il-bandiera Maltija se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn liċenzja speċjali ta’ navigazzjoni fl-Istati Uniti tal-Amerka, magħrufa bħala Cruising Licence.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli Chris Bonett wara li l-awtoritajiet Amerikani kkonfermaw uffiċjalment l-inklużjoni ta’ Malta fil-lista ta’ pajjiżi eliġibbli għal dawn il-liċenzji.

Id-deċiżjoni ġiet ippubblikata nhar il-Ħamis 29 ta’ Ottubru 2026 fil-Federal Register tal-Istati Uniti, permezz ta’ emenda fir-regolamenti tal-U.S. Customs and Border Protection (CBP). Il-privileġġi marbuta ma’ din id-deċiżjoni ilhom applikabbli għal Malta mill-10 ta’ Ġunju 2026.

Permezz ta’ dan l-iżvilupp, jottijiet privati bil-bandiera Maltija li jingħataw din il-liċenzja jistgħu jbaħħru bejn portijiet Amerikani mingħajr il-ħtieġa ta’ ċerti proċeduri relatati ma’ dwana kemm fid-dħul u kemm fil-ħruġ, filwaqt li jibbenefikaw minn eżenzjonijiet minn għadd ta’ tariffi u ħlasijiet amministrattivi. Il-liċenzja tista’ tinħareġ għal perjodu massimu ta’ sena u din tista’ tiġi mġedda.

Din il-kisba tneħħi żvantaġġ kompetittiv li għal diversi snin kien qed jaffettwa lill-jottijiet irreġistrati f’Malta meta mqabbla ma’ dawk taħt bnadar oħra.

“Illum qed inħabbru kisba storika għall-bandiera Maltija. Għal snin twal, il-jottijiet privati rreġistrati f’Malta kienu fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ dawk taħt bnadar oħra. Illum dan l-ostaklu qed jitneħħa u l-bandiera Maltija qed tikseb rikonoxximent denju għaliha fl-Istati Uniti,” sostna l-Ministru Chris Bonett.

“Din hija kisba li tkompli ssaħħaħ il-kompetittività tal-bandiera Maltija u tagħmel ir-reġistru marittimu Malti aktar attrajenti għal sidien ta’ jottijiet akbar minn 24 metru. Se nkomplu naħdmu biex nattiraw aktar reġistrazzjonijiet, noħolqu opportunitajiet ġodda għall-industrija u nsaħħu r-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur marittimu,” kompla l-Ministru.

Dan l-iżvilupp, li seħħ wara ħidma u kuntatti diplomatiċi mal-awtoritajiet Amerikani, fuq medda ta’ snin, huwa pass ieħor fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet marittimi bejn Malta u l-Istati Uniti, filwaqt li jkompli jikkonsolida l-pożizzjoni tal-bandiera Maltija fis-suq internazzjonali tal-jottijiet.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport