Wednesday, December 25, 2024

Ġbir ta’ prodotti tal-ikel “mil-lokal għal-lokal”

Aqra wkoll

Minn hawn u ftit tal-jiem oħra, tiġi ċċelebrata l-festa tal-Halloween. Bħalma hi t-tradizzjoni marbuta ma’ din il-festa, ta’ kull sena għadd ta’ tfal joħorġu jduru jħabbtu bieb bieb, libsin kostum u b’kontenituri f’idejhom sabiex iħabbtu jiġbru xi ħelu mingħand in-nies.

Il-Girl Guides ta’ Ħal Qormi, li bħalissa huwa kompost minn 30 tifla taħt il-ħarsien ta’ ħames mexxejja adulti, se jkunu qed iġeddu din it-tradizzjoni b’differenza, minħabba li għal din is-sena ħasbu li jiċċelebraw dan l-avveniment annwali billi jiġbru xi ħaġa għal ħaddieħor.

F’kummenti li tat lil dan is-sit, Eleanor Magro – unit leader fi ħdan il-Qormi Girl Guides, hija qaltilna li fl-aħħar jiem ħarġu bl-idea sabiex minflok ħelu, it-tfal joħorġu jiġbru prodotti tal-ikel li għandhom data ta’ skadenza fit-tul sabiex jingħataw lil dawk ir-residenti Qormin li għaddejjin minn problemi finanzjarji. Hawnhekk, Magro enfasizzat dwar is-sens ta’ għaqda li se ġġib magħha din l-attività; l-ispirtu ta’ familja waħda: “inizjattiva li se ssir mil-lokal għal-lokal”.

Mistoqsija dwar ir-reazzjoni tat-tfal b’rabta ma’ din l-inizjattiva, hija qaltilna li ntlaqgħet tajjeb ħafna, anki minħabba l-fatt li hi xi ħaġa differenti minn dak li mdorrijin naraw fi żmien il-Halloween.

Magro fissret li bħala inizjattiva hija maqsuma f’żewġ fażijiet: l-ewwel parti tlestiet fl-14 t’Ottubru li għadda, fejn tqassmu fuljetti fl-akkwati tal-Knisja tal-Vitorja b’dettalji dwar din l-attività. Il-fażi l-oħra tinkludi l-ġbir tal-prodotti tal-ikel li se ssir nhar is-Sibt li ġej, it-28 ta’ Ottubru, bejn it-3:00 p.m. u s-7:00 p.m. It-tfal se jiġbru d-donazzjonijiet tal-ikel minn quddiem il-Knisja ta’ San Ġorġ, ta’ San Bastjan u tal-Vitorja, u se jduru wkoll bieb bieb f’dawn l-inħawi.

L-ikel kollu li jinġabar se jingħata liż-żewġ parroċċi ewlenin ta’ Ħal Qormi u  jitqassam skont l-esiġenzi tan-nies. 

Għal iktar dettalji u aġġornamenti tistgħu żżuru l-paġna ta’ Facebook: 25th Qormi Girl Guides.

Ekonomija

Sport