Thursday, February 20, 2025

Ġermaniż jinżamm arrestat wara li ġie akkużat bi stupru fuq eks kollega

Aqra wkoll

Ġermaniż ta’ 30 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti baqa’ jinżamm arrestat wara li ġie akkużat bi stupru. Kienet eks kollega tiegħu li għamlet rapport li l-akkużat kien wettaq aggressjoni sesswali fuqha.

L-allegat każ kien seħħ f’Ottubru li għadda meta l-Ġermaniż kien jaħdem bħala uffiċjal fil-customer care ta’ kumpanija. Hu qed jaffaċċja wkoll akkużi ta’ atti sesswali mhux kunsenswali fuq il-mara u li żammha kontra r-rieda tagħha.

Quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace l-Ġermaniż wieġeb mhux ħati tal-akkużi.

L-Avukat tad-difiża Edmond Cuschieri filwaqt li talab lill-Qorti biex tagħti l-ħelsien mill-arrest lill-Ġermaniż qal li l-allegat każ seħħ erba’ xhur ilu, u kien wara dan iż-żmien kollu li infetħu proċeduri kontrih.

Qal li d-detenzjoni għandha tkun l-eċċezzjoni u li m’hemmx raġunijiet validi biex tiċħad il-libertà proviżorja. Iżda l-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba fejn qalet li l-allegat vittma għad trid tixhed. Qalet ukoll li l-akkużat jaf fejn tgħix il-vittma minħabba li kienet hu stess li ordna taxi għaliha.

Dwar il-fatt li l-akkużat dam ma tressaq il-Qorti, il-Prosekuzzjoni qalet li dan seħħ minħabba li l-akkużat ma seta’ jinstab imkien u kien nhar it-Tlieta li ġie mitkellem mill-pulizija. Qalet ukoll li l-mara kienet għamlet rapport lill-Pulizija fil-25 ta’ Jannar li għadda. Sostnew ukoll li l-akkużat ma kellu l-ebda indirizz fiss u kien tkeċċa mill-kumpanija tal-gaming wara l-allegat inċident.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti qalet li fiċ-ċirkostanzi qiegħda tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arresti. L-Avukat Danika Vella mill-uffiċċju tal-AĠ flimkien mal-Ispetturi Dorianne Tabone u Godwin Scerri mexxew il-prosekuzzjoni.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport